Bernard Grech irid jieħu deċiżjonijiet iebsa llum qabel għada

Ittra minn qarrej ta’ dan il-blog

Il-veru għami hija dik il-persuna li tara, imma ma tridx tgħod li qed tara… anki jekk kollox miktub iswed fuq l-abjad. Ma nistax nifhem jew tgħaddili mill-garigori ta’ moħħi kif Bernard Grech, li tant jippretendiha li jaf, għadu ma ndunax li kif jgħidu bl-Ingliżi… ”the writing is on the Wall”.

Bernard Grech għandu jirrealizza li jekk mhux ser jieħu deċiżjonijiet drastiċi hu nniffsu immedjatament, ħaddiehor ser jeħodhom għalih. Fl-aħħar mill-aħħar, Adrian Delia hekk ġralu, ma ħax deċiżjonijiet li t-tesserati elegewh għalihom, u patta qares ta dan in-nuqqas.

Hekk ser jiġri, b’ċertezza fl-elezzjoni li ġejja. Jekk Bernard Grech mhux ser ineħħi lil Jason Azzopardi, Carol Aquilina, Beppe Fenech Adami, Claudette Buttigieg, David Thake, u Chris Said, l-elettorat ser jirriġettahhom flok ma hu jkun ħa deċiżjoni inevitabbli li dawn l-ismijiet ma jibqgħux ikunu assoċjati mal-Partit Nazzjonalista. Ġa ħarġu l-forċini biex jiddefendu lil Carol Aquilina u Jason Azzopardi għaliex għandhom problemi fuq id-distretti li ħerġin fuqhom.

Iżda għaliex Bernard Grech għandu jieħu din id-deċiżjoni hu, u mhux iħalli l-elezzjoni tasal għalija? Huwa ċarissimu li dawn il-kandidati kollha ser jitqanżħu sew sabiex ikunu eletti, u d-detriment finali ser ibatih il-Partit Nazzjonalista. Allura huwa ovvju li kap tajjeb għandu jaqra l-futur u deċiżjoni iebsa kemm hi iebsa jrid jeħodha hu. Ħa ġurament li jservi mingħajr favuri għall-ġid tal-pajjiż.

L-istat diżastruz f’kull ħaġa li jagħmel jew jgħid il-Partit Nazzjonalista, hija tant evidenti, li ma hemmx triq li tista’ twassal lil dan il-partit sabiex jiggverna dan il-pajjiż, għall-anqas fil-futur qarib. U aktar ma jiftħu ħalqhom, aktar jagħmlu ħsara u ħsara kbira.

Dawn il-vergni jaħsbu li huma biss kapaċi jiddefendu l-onesta, u kollha għandhom ħafna xi jxommu taħt għabthom. Dawn ma jistgħux jirrealizzaw li jmut Papa u jiġi elett ieħor aħjar. Jaħsbu li mn’Alla jeżistu huma sabiex jissalvagwardjaw is-saltna tad-dritt.

Aktar ma jirnexxilhom jilliberaw lill-partit mill-mażra li rabtu ma’ għonqu, aktar ikunu ta’ ġid kemm għall-partit li jgħidu li jħobbu u wisq aktar għall-pajjiż kollu.

Bernard Grech irid juri kemm huwa kap, kap serju u kap li jaġixxi, billi jieħu deċiżjonijiet kbar u li kapaċi jibdlu l-opinjoni pubblika li dejjem qed tiżdied, ta kemm ċertu nies fil-partit għandhom intern ħażin. Attitudni li dejqet lil kulħadd inkluż Nazzjonalisti stess li qed jitilqu lill-partit ta’ kuljum. Dawn in-nies jaraw ix-xagħra f’għajn ħaddieħor u mhux lesti li jaraw it-travu li għandhom f’għajnejhom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *