Omm Yorgen Fenech titkellem għall-ewwel darba dwar il-każ ta’ binha

Qed nirriproduċi bil-Malti l-kommunikat li omm Yorgen Fenech bagħtitli l-bieraħ bl-Inġliż minħabba d-domanda li kien hemm għalih minn qarrejja ta’ dan il-blog.

“Iddeċidejt illi nuża s-social media u l-platform ta’ Dr. Simon Mercieca għas-sempliċi raġuni li hemm ħafna min jaqra dak li jippubblika, u l-qarrejja tiegħu huma nies ta’ twemmin politiku u ideat differenti. Dawn il-kliem huma tiegħi biss u hekk għandhom jitqiesu u mhux dawk ta’ Dr Mercieca.  Jekk jogħġobkhom tattakkawhx għax jagħmel dak li kollha ngħidu li nemmnu fih – id-dritt ta’ l-espressjoni ħielsa b’mod meqjus, onest u raġjonevoli.

Illum ħassejt li għandi nikteb u nitkellem fuq numru ta’ affarijiet li ġraw dawn l-aħħar ġranet, għalkemm kieku nippreferi li ma ngħid xejn. Din id-darba ħassejt il-ħtieġa li nitkellem wara l-ġrajjiet li seħħew ġewwa l-Qorti u anke fil-media. Naħseb li ħafna nies hemm barra se jifhmu li issa imiss lili nesprimi ruħi fuq xi affarijiet illi ġraw u nagħti l-verzjoni tiegħi.

Għal dawn l-aħħar 50 sena kont parti tal-Grupp Tumas permezz taż-żwieġ u m’hemmx mod ieħor kif ngħidha  –  wisq imweġġa’ meta nisma’ kliem dispreġġjativ u tgħajjir bla ħniena, li ħafna minnu mhux ġustifikat. Qisu min imiss magħna jieħu l-pesta meta qabel dan l-attakk sfrenat fuq Yorgen fil-media, kulħadd kien jirrispettana u ħadd ma kellu kwart ta’ kelma xi jgħid fuqna.

Imma l-iktar li ġiegħelni nikteb huwa il-fatt li qed jitperreċ isem ir-raġel George, meta dan ilu mejjet kważi seba’ snin, u ma jistax jiddefendi ruħu. Nara isem ta’ dgħajsa li dak iż-żmien li nbiegħet kellha diġa’ żmien sew fuqha, u ma kien hemm xejn li xejn li ma kienx leċitu. Jekk huma kienu jagħmlu hekk, ma jkejlux b’xibirhom. U nixtieq inkun naf minn fejn ġabu din l-inforamazzjoni, kemm ħaffru fil-fond biex għal darba oħra jinfluwenżaw id-deċiżjoni tal-bail f’idejn il-Magistrat Griscti. Min jaf kif qallbu l-internet (jew kellhom xi sorsi oħrajn?) biex sabu il-kuntratt u r-ritratt, għax nirrepeti, din id-dgħajsa kienet ilha mixtrija ħafna u ħafna qabel is-sena 2008.

Imma l-isbaħ waħda, tal-bieraħ (t’lura), qegħdin il-qorti quddiem l-imħallef, u dawn qed joħorġu l-att tal-akkuża fil-gazzetti. U aħna (il-familja u l-avukati) ħadd ma jaf xejn hemm ġew.

Imbagħad hemm il-kwistjoni ta’ min jħammeġ l-iktar, b’kompetizzjoni għal min iħammeġ isem Yorgen l-iktar – saħansitra bi ħrafa ta’ xiri ta’ munizzjon tal-gwerra!! It-tifel tiegħi mhux xi karattru stil Rambo fiċ-ċert. Tad-daħq li kieku dawn l-allegazzjonijiet mhux intiżi biex jagħmlu ħsara matul il-proċess fil-qorti. Apparti li dan l-ammunition qatt ħadd ma rah u qatt ma daħal Malta. Imma kemm min-nies hemm barra jieqfu u jaħsbu ftit qabel ma jaċċettaw il-kliem tal-prosekuzzjoni u l-media bħala fatt? Qatt ħsibtu kemm hu mpossibli li ddaħħal dawn l-affarijiet ġewwa l-pajjiż bil-posta?

Insaqsi kemm nies kellhom aċċess għal-laptop u l-mobile?…… Kif jafu kollox mill-emails ta’ ibni? Għax din sieħeb tal-leaked emails tal-Electrogas u ħafna emails oħra. Dawn mhux suppost f’idejn il-pulizija kienu? Ma ngħamlux mod hux ……???

Imma fil-qorti trid iġġib provi sodi, mhux tippreżenta email u lanqas biss nafu minn fejn ġiet. Faċli ħafna li tkun mbagħbsa mbagħad jgħidulna li mill-emails ta’ Yorgen ta, għax ħadulu kollox, u jħawwdu u jagħmlu li jridu huma fihom. Sieħeb meta martu rċeviet żewġ calls differenti u biex tgħaxxaqha waħda minnhom f’nofs ta’ lejl minn number ta’ żewġha u kellha tmur tirrapporta lill-pulizija, imma xejn ma sar. Il-mobile mhux mitfi suppost kien? Mela xi ħadd ikewwes fih f’nofs ta’ lejl? Min kien dan ix-xi ħadd – qatt ser jgħidulna jew qed jipproteguh biex jgħattu x’ġara verament? Hemm tant trufijiet li kellhom jiġu investigati u mistoqsijiet x’jitwieġbu. Imma l-prosekuzzjoni f’daqqa waħda ħasset li kienet lesta toħroġ l-akkużi anki jekk jafu b’dan l-anomaliji kollha.

U għalfejn ħarġu kull ma felħu l-bieraħ qabel il-bail request? U dejjem l-istess pantomina li għax jaħrab? Fejn se jmur, waħdu? Mela mhux kull min jingħata il -bail jista’ jaħrab jew – mhux kulħadd jista’ jsib il-flus biex jaħrab u mhux kulħadd jista’ jirnexxielu? Hu biss jista’ jagħmel hekk? Fil-verita’ hu l-inqas wieħed li jista’ jagħmel hekk minħabba l-attenzjoni fil-media. Meta taħseb bil-kwiet u r-raġuni tinduna kemm dawn huma skuża li ma jreġġux biex hu ma jingħatax bail.

Bil-fors hemm mottiv iktar peżanti biex kull darba jaraw x’jagħmlu u jiksrulu id-dritt ta’ kull uman. B’dan kollu bla ebda mod ma rrid nidħol fil-kwistjoni tal-każ u m’iniex qed niddiskuti l-każ hawn. Huma ċ-ċirkostanzi ta’ kif qed ikun immexxi l-każ li qed nikkritika. Dejjem trabbejt u emmint li hemm il-qrati jiddeċiedu dawn l-affarijiet u dejjem kelli fiduċja fihom avolja f’għomri l-ewwel darba li missejt l-għatba tal-qorti. Imma tara ċertu manuvri ma tistax ma titħassibx.

Kulħadd qisu mhedded sar, u ħadd ma jista’ jitkellem, għax kulħadd jibza’ li jżeffnulu r-razza kollha, jekk mhux kollox jmur kif jridu huma. Jekk m’hemm xejn ħażin xi tgħid, xorta hemm il-biża’ ta’ ħsara li tista’ ssir kontra min juri li ma jaqbilx. Per eżempju, il-bieraħ il-Parte Civile kitbet liċ-Chief Justice ukoll ħa nugżaw lill-Imħallef li jien, l-ewwel darba li rajtu f’kemm għandi għomor kien il-bieraħ. Li kieku nistgħu naraw il-komunikazzjoni bejn dawk li ħarġu din l-informazzjoni, forsi nifhmu l-mottiv wara din il-ħaġa. Imma tagħhom jgħattuh u ta’ ħaddiehor iperrċuh.

Nixtieq naf min qed jagħmel dal-immanuvrar minn taħt, u kuljum preċett, x’qed jieħu? Għandna lill-avukati, il-qrati, il-maġistrati u l-imħallfin jagħmlu dan ix-xogħol, għalfejn qed nippruvaw infixklu u nimmanuvraw?

Naħseb li dawk fil-pajjiż li jafu jaħsbu u li jaraw il-bogħod mill-wiċċ tal-affarijiet, xebgħu bl-ikrah issa. Ma jien qed nitlob xejn ħlief ġustizzja li mhix maħtufa minn grupp ta’ nies u li f’dan il-każ l-akkużat jiġi ttrattat bħal dawk li bħalu għaddejjin ġuri. Imma iddaħħlu familji sħaħ li jagħmlu parti mill-group, apparti żewġi stess li ilu għomor li ħalla din id-dinja. Veru trid tkun qed tfittex biex tagħmel vendikazzjoni bla rażan, mhux ġustizzja.

Grazzi lill-ħafna li urewni support kbir u napprezza immens. U lil min hu kontra, mhux ħaġa kbira, nifhem ukoll u nirrispetta li jkun jrid jgħid tiegħu dak li jkun, imma jekk jogħġobkhom, żommu fuq is-suġġett, ma ndaħħlux il-politika fin-nofs, ma nħarrfux kemm nifilħu biex nħammġu kemm jista’ jkun nies.

Nirringrazzjakhom tal-paċenzja tagħkom talli qrajtu dal-post pjuttost twil.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *