Bilfors li l-ġurija ta’ Yorgen Fenech ħa tkun influwenzat minn dak kollu neġattiv li qed jingħad fuqu

Blog post minn osservatur politiku

Nista’ nkun parti minn ġurija mingħajr ma nkun influwenzat b’dak kollu li hu għaddej? Nista niġi magħżul biex inkun ġurat u npoġġi idejja fuq il-kuxjenza u ngħid jien qatt ma kont b’xi mod influwenzat b’dak kollu li qed jiġi pubblikat? Nista’ nisma’ xi xhud u ngħid li dan se jkollu effett fuq id-deċiżżjoni tiegħu għax żgur qatt ma nkun smajt xejn fuq dak li qal?

Possibbli fadal xi ħaġa x’toħroġ fuq dan il-każ wara li kull min jinteressah, ftit jew ħafna, qal u qala’ minn żniedu dak kollu possibbli? Jiena ma nistax nifhem kif se jkun hemm numru ta’ ġurati idonei li joqgħodu fuq dan il-ġuri, li ma jkunu semgħu xejn fuq x’għamel jew x’suppost li għamel Yorgen Fenech, x’importanza kellu, jekk kellu, fil-qtil makabbru ta’ Daphne Caruana Galizia, fuq l-involviment tiegħu fi kwalunkwe livell, dejjem jekk kellu, fil-qtil ta’ Daphne.

Jista’ xi ħadd jillumina lill-poplu Malti u Għawdxi x’jonqos joħroġ minn naħa tal-familja u l-avukati tagħhom biex iħammġu lil dan l-imputat? Jista’ xi ħadd jikkonvinċini li dawn l-istess nies ma huma se jagħmlu xejn biex itellfu mill-pass li jmiss, jiġifieri l-ġuri.

Ittieħdet deċiżżjoni li Yorgen Fenech jgħaddi ġuri. Imma jista’ xi ħadd mill-prosekuzzjoni jgħidilna xi tħalla barra u ma nstemgħax mill-qorti fil-kompilazzjoni. Nistgħu bħala ċittadini ta’ dan il-pajjiż inkunu nafu lil min ma sarx il-kontro-eżami, min ma tressaqx allvolja kien fuq il-lista tax-xhieda? Nistgħu nkunu ċerti li dan il-ġuri se jsir daqshekk malajr għax il-prosekuzzjoni beżgħat li Yorgen Fenech kien se jiġi mogħti l-liberta’ proviżorja? Jista’ xi ħadd jgħidilna għaliex xhieda li ma nstemgħetx, kontro-eżamijiet li baqgħu ma sarux u jekk dawn setgħux jinfluwenzaw il-kompilazzjoni.

Nistgħu nkunu nafu, aħna ċ-ċittadini li fuq kollox npoġġu l-flus għad-dispożizzjoni tal-qorti biex kull ma jsir fil-qrati jsir kif suppost, inkunu nafu għaliex tħallew isiru tant insinwazzjonijiet fuq Imħallef, biex nissoponu ssir intimidazzjoni fuq l-istess imħallef? Kif seta’ dan l-Imħallef jieħu deċiżżjoni, tajba jew ħażina, meta saru dawk l-attakki kollha li bla dubju kellhom effett fuq it-trankwillita’ tiegħu? Jistgħu jgħidulna jekk dawk li għamlu dawn l-insinwazzjonijiet kollha humiex se jirtirawhom jew jitkellmu iżjed fuqhom?

Jista’ l-Prim Imħallef jgħid lill-pubbliku ġenerali jekk hux kuntent u trankwill bid-deċiżżjoni li ħa l-Imħallef meta ċaħad il-liberta’ proviżorja lill-imputat? Meta tara, tisma’ u taqra dawn l-affarijiet kollha tibda tistaqsi, kif se nserrħu rasna, aħna ċ-ċittadini, li dan il-ġuri se jkun magħmul b’serenita għal kulħadd? Iċ-ċittadin Malti u Għawdxi jixtieq jara l-ġustizzja ssir, jixtieq ikun jaf min verament wettaq id-delitt u min ordna li jsir dan id-delitt. Imma kif se jserħilna rasna l-Prim Imħallef li kif ipoġġi Imħallef li se jisma’ l-ġuri, mhux se jaqlawlu xi ħaġa mill-arkivju tiegħu? Kif se nkunu nafu li jekk ikun hemm kuntatt mal-imħallef magħżul anke privatament, aħna ċ-ċittadini nkunu nfurmati? Kif se nkunu nafu li l-Imħallef jitħalla jagħmel dmiru mingħajr ebda intimidazzjoni jew influwenza?

Tant dan ir-raġel ġie mgħajjar, tant din il-kompilazzjoni ġiet manipulata miċ-ċittadini, tant ġew ittimbrati anke l-avukati, li aħna ċ-ċittadini qed jidħlulna dubji serji jekk dan il-ġuri hux se jsir bi trasparenza kif mistenni u kif suppost. Kif tista’ ma taħsibx ħażin fuq hekk, meta fuq sempliċi liberta proviżorja, marru jfittxulu qoħobtu sa’ tlettax-il sena ilu lill-Imħallef? X’garanzija se jkollna li ma jagħmlux l-istess fuq Imħallef li għad irid jiġi appuntat? Sinċerament ma nafx kif nistgħu nsejħu l-proċess ġudizzjarju bħala wieħed trasparenti u fuq kollox jidher li qed issir ġustizzja kif mistennija mill-poplu Malti u Għawdxi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *