Bernard Grech jitlob għar-reżenja mill-ġdid ta’ Zammit Lewis għar-raġunijiet żballjati

Dr Bernard Grech juża l-Facebook Page tiegħu biex jgħidilna li la issa Yorgen Fenech se jgħaddi ġuri, Edward Zammit Lewis għandu jirreżenja jew jitwarrab. Jiġifieri għax kellu ħabib jew kien jixxerja chats ma xi ħadd li se jgħaddi ġuri għandu jiċħdu, jwarrbu u ma jibqax jafu iżjed? Dr Grech kompla jikteb u jgħid:

Issa uffiċjali li għandna Ministru li joqgħod jitħabbeb ma’ persuna li se jkun qed jgħaddi ġuri biex jintbagħat għomru l-ħabs, għall-involviment tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia”.

Mela hawnhekk Dr Grech żied raġuni oħra biex jikkonvinċina li Edward Zammit Lewis għandu jirreżenja. Dan għandu jagħmlu għax ma jistax ikun Ministru tal-Gvern joqgħod jitħabbeb ma’ tali persuna li tkun se tgħaddi ġuri. Din li se jgħaddi ġuri ħarġet il-bieraħ fl-istess waqt li l-avukati ta’ Yorgen Fenech kienu qed jitolbu għall-ħelsien mill-arrest quddiem l-imħallef Giovanni Grixti.

Jiġifieri, issa sirna nafu biha din l-istorja tal-ġuri meta suppost l-kumpilazzjoni kienet għada għaddejja. Naħseb li kieku l-Oppożizzjoni kienet serja, fuq dan il-fatt kellha titkellem. Fejnha l-għajta tal-ġustizzja li l-Partit Nazzjonalista kien magħruf għalija?

Minflok, Bernard Grech ġabha tidher li Zammit Lewis għandu jirriżenja għax missu kien jaf li dan ir-raġel kien se jgħaddi ġuri. Dan missu kien jafu ħafna xhur ilu u ma messux qatt joqgħod jikkumidja fuq WhatsApp ma persuna li se tgħaddi ġuri. Tajjeb li naraw għalfejn u kif se jgħaddi ġuri Yorgen Fenech.

Mela l-Avukat Ġenerali bil-fors kellu xi xamma li kien hemm iċ-ċans li Fenech joħroġ proviżorjament liberat. Talli se jgħaddi ġuri lil Fenech, l-Avukat Ġenerali qed jagħmel ħiltu biex Fenech ma jingħatax din il-liberta proviżorja. Hija pjuttost inkwetanti li l-Avukat Ġenerali se jgħaddi bin-nuqqas ta’ xhieda oħra li hu stess qal li se jressaq u mar mill-ewwel għall-att ta’ akkuża. Fuq kollox, bl-azzjoni tiegħu wassal biex Keith Schembri, Melvin Theuma u Matthew Caruana Galizia ma jibqgħux ikun kontro-eżaminati mid-difiża.

Dr Grech ikompli jfakkarna li ħareġ rapport mit-tliet Imħallfin u fih qalu li

L-Istat instab responsabbli li ħoloq kultura ta’ impunità, u huma proprju dawn il-fatturi li wasslu għal din il-konklużjoni.

Li l-iStat instab responsabbli naqblu għax hekk qalu l-Imħallfin. Imma li dawn il-fatturi ta’ Zammit Lewis wasslu lill-Imħallfin jikkonkludu hekk hija totalment żbaljata. Fil-fatt l-Imħallfin fir-rapport tagħhom qalu

Dawn (u fost dawn kien hemm imsemmi Edward Zammit Lewis) ilkoll okkupaw karigi għolja fl-amministrazzjoni pubblika f’sens wiesgħa jew fil-governanza tal-pajjiż imma bl-ebda mod ma jirriżultaw mill-provi implikati fl-assassinju.”

Mela kif l-Imħallfin jgħidu li Zammit Lewis ma kellux x’jaqsam u Dr Grech jgħid li hu kien wieħed mir-raġunijiet li rriżultaw li għinu fl-assassinju. Dr Grech kompli fil-post tiegħu,

Il-pożizzjoni tal-Ministru Edward Zammit Lewis issa, iżjed minn qatt qabel, m’għadhiex tenibbli.

Minħabba li Dr Grech ressaq wisq il-boċċa ħdejn il-likk għax hekk deherlu, allura qed isostni li Zammit Lewis, iżjed minn qatt qabel, irid jitlaq għax il-pożizzjoni tiegħu m’għadiex tenibbli. Imma l-isbaħ sentenza li se nislet mill-post ta’ Dr Bernard Grech hija l-mistoqsija li għalaq biha,

Int taqbel li jkollok Ministru li jitħabbeb ma’ allegat kriminal?

Minn meta ‘l hawn kap ta’ partit politiku kbir jistaqsi lill-elettorat biex jirrispondi jaqbilx jew le, meta l-elettorat qed jistenna l-pożizzjoni li se jieħu l-istess kap ta’ partit politiku? Għaliex qed jistaqsi għall-opinjoni tal-elettorat meta suppost qed jagħti b’mod preċiż il-pożizzjoni tiegħu? Xi tfisser meta tistaqsi lil kulħadd, li inti bħala kap ta’ partit ma wasaltx biex tikkonkludi l-pożizzjoni tiegħek? Tista’ tfisser ukoll li qed tistaqsi lill-poplu ħalli imbagħad tara x’jgħidlek u timxi skond dak li tisma? Ma jidhirlux Dr Grech li hu suppost qed imexxi l-ħsieb u mhux jistenna li jiġi lluminat mill-poplu?

Taf x’missu staqsa Bernard Grech u kien ikun kredibbli? Kif ministru tal-ġustizzja ħalla lid-deputat avukat ġenerali jagħmel li jrid? Kif deputat avukat ġenerali jitmexxa fil-qorti mill-avukat Jason Azzopardi? Kieku staqsa fuq dawn il-punti kont ngħidlu li għandu biċċa raġun!

One thought on “Bernard Grech jitlob għar-reżenja mill-ġdid ta’ Zammit Lewis għar-raġunijiet żballjati

Leave a Reply

Your email address will not be published.