X’sar minnha l-kwerela li fetaħ Adrian Delia kontra l-pulizija dwar l-leaks taċ-chats ta’ Yorgen Fenech?
Ħafna xhur ilu, l-eks-kap tal-Oppożizzjoni kien fetaħ kwerela kontra l-pulizija wara li chats li kienu għandhom u li skont il-pulizija ġew meħuda mill-mobile phone u appartat elettroniku ieħor ta’ Yorgen Fenech ħarġu fil-pubbliku. Waħda minnhom suppost kienet bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia u dwar il-fatt li Yorgen Fenech kienu stiednu għall-ikel.
Mhux ser nidħol fil-meritu jekk din l-istorja hix minnha jew le. Politiċi jkun mistiedna għand in-nies u żgur, li f’dak l-istadju, Adrian Delia ma kellu xejn x’jista’ joffri lil Yorgen Fenech. Pjuttost Fenech kellu x’joffri għaliex skont allegazzjoni li għamlu esponenti stess mill-Partit Nazzjonaista Yorgen Fenech ta għajnuna finanzjarja lil dan il-Partit. Iżda sallum, l-allegat flus li ntqal li Yorgen Fenech ta lill-Partit Nazzjonalista għadhom ma ġewx imrodda lura lil Yorgen Fenech minn Bernard Grech kif kien ġie mwiegħed.
Biss l-iskop ta’ dan l-artiklu huwa ieħor. F’artiklu li pubblikajt il-bieraħ għidt li jien ġejt infurmat, li waqt l-għoti ta’ xhieda fil-magħluq quddiem it-tliet imħallfin, xi ħadd qal li l-phone ta’ Yorgen Fenech ġie cloned. Jekk dan hu minnu, dan ifisser li kien hemm xi ħadd li kellu kopja tal-informazzjoni kollha li kien hemm fit-telefon ta’ Yorgen Fenech u dan seta’ għamel it-tibdil li jrid fil-messaġġi li kienu għaddejjin.
Issa l-akkuża li kien għamel Adrian Delia kienet li dan il-famuż chat li ġie ppubblikat minn The Sunday Times mhux veritier, jiġifieri waqt li kien hemm kommunikazzjoni bil-WhatsApp bejn Adrian Delia u Yorgen Fenech, iċ-chat ma kienx eżatt kif ġie ppubblikat minn The Sunday Times. Anżi kien imbabas.
Min-naħa tiegħu, bir-raġun, Adrian Delia staqsa kif chats li kienu għand il-pulizija u l-anqas biss kienu għadhom ġew preżentati fil-qorti, spiċċaw għand il-media. Dan wassal biex Adrian Delia fetaħ kwerela, jiġifieri ħarrek lill-Korp tal-Pulizija. Illum din il-kwerela kontra l-pulizija waqgħet f’bir tas-skieken. Din il-kwerela hija mportanti ħalli tingħata tweġiba lil dawn il-mistoqsijiet.
L-ewwel irid ikun hemm spjegazzjoni kif chats li kienu għand il-pulizija spiċċaw għand il-media.
It-tieni jridu jirrispondu jekk hux veru li kien hemm dan it-tip ta’ “cloning”, għaliex dan wassal mhux biss biex persuna tinżamm arrestata l-ħabs u ilha hemm għal aktar minn sentejn imma wkoll, fuq livell politiku, daħlet f’komplott politiku biex jitwaqqa’ kap tal-oppożizzjoni. Infakkar li llum dawn il-whatsapp chats reġgħu ssemmew b’saħħa kbira minn Philip Galea Farrugia u Jason Azzopardi għamilhom tiegħu.
Infakkar li kien minħabba din il-pubblikazzjoni ta’ dawn il-famużi chats, li bdiet kampanja kontra Adrian Delia fi ħdan il-Partit Nazzjonalista stess li wasslet biex finalment tneħħa minn kap tal-istess partit.
Imbagħad waqt li dawn iċ-chats jissemmgħu fil-qorti, il-kwerela li fetaħ Adrian Delia għada ma bdietx tintema fil-qorti. Min jaf għaliex?