Is-sajf ma għadux is-silly season tal-politika Maltija

Blog post minn osservatur politiku

Ilna mill-2017 ma nitbiegħdu jew nistrieħu ftit mill-politika matul is-sajf. Dik is-sena rajna elezzjoni bikrija imsejħa minħabba allegazzjonijiet fl-għola saffi tal-poter f’pajjiżna u wara kompliet bit-tellieqa pjuttost imqanqla minn ħafna aspetti għall-kap tal-Partit Nazzjonalista, mirbuħa mill-kandidat minn barra Dr Adrian Delia.

L-2018 kellna l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta Egrant, fejn sirna nafu ħafna u fl-istess ħin ma tgħallimna xejn finali. Tant inbnew aspettattivi li kellha ssir ġlieda legali biex dan ir-rapport ġie muri d-dawl tax-xemx.

Is-sajf tal-2019 rajna lill-Partit Nazzjonalista jkisser lilu nnifsu bi ġlied intern sa meta wasal għal vot ta’ fiduċja fil-kap tiegħu Dr Adrian Delia. Sfortunatament l-klikka ma aċċettatx dak ir-riżultat ċar u b’persentaġġ pjuttost qawwi. Il-klikka baqgħet għaddejja bil-battalji tagħha meta daħħlet f’rasha li l-Partit Nazzjonalista seta’ jmur aħjar mingħajr Dr Delia bħala kap.

Dawn il-battibekki nterni waslu għal-livelli nkredibbli u għalkemm kien hemm vot ta’ fiduċja li ddikjara li l-fiduċja fil-kap kienet sal-elezzjoni ġenerali li jmiss, xorta l-Partit Nazzjonalista baqa’ għaddej bl-inkwiet sa meta vot wara vot wassal għall-vot finali tat-tesserati. F’dik l-elezzjoni li saret fis-sajf tal-2020 rajna lil Dr Bernard Grech jieħu t-tmexxija f’idejh. L-inkwiet kompla fuq kulħadd f’dan is-sajf għax rajna l-pandemija tinxtered ma’ kull pajjiż.

Is-sajf tas-sena 2021 soffrejna il-grey-listing tal-FATF f’Ġunju, bir-rapport tal-inkjesta dwar Daphne Caruana Galizia f’Lulju. Iż-żewġ rapporti kienu it-tnejn sinifikattivi u se jħallu effett fuq pajjiżna ħafna iktar milli nimmaġinaw u għal iktar tul. L-ewwel ġimgħatejn ta’ Awissu ma tantx tawna taqlib politiku imma xorta bqajna għaddejjin bil-priedka politika ta’ kull nhar ta’ Ħadd miż-żewġ protagonisti politiċi. Jista’ jkun li din hija il-kalma qabel il-maltempata li tista’ toħloq elezzjoni ġenerali? Jista’ jkun li l-elezzjoni hija verament wara l-bieb? Awissu 2021 sa issa jidher kwiet u kalm mill-att politiku, imma f’Settembru x’se nerġgħu nistennew? Tgħid naraw dan kollu li għadda dan l-aħħar jirvilla u jerġa’ jieħu l-ħajja b’tali mod li nerġgħu nassistu għal attakki u risposti fuq l-FATF, l-inkjesta pubblika, l-ekonomija fil-pajjiż, l-Ministru tal-Ġustizja jew Rosianne Cutajar.

Huwa fl-interess tas-Soċjeta Ċivili u l-Partit Nazzjonalista li jerġgħu jqajmu fil-pajjiż dawn id-diskussjonijiet. Il-Prim Ministru Abela jnutli jipprova jgħid li ħafna minn dawn in-nuqqasijet saru mil-Gvern ta’ qablu għaliex irid bil-fors iġorr ir-responsabilita tagħhom. Jekk l-Oppożizzjoni hix b’saħħitha biżżejjed biex tippreżenta ruħha bħala sfidant għat-tmexxija tal-pajjiż, għad irridu naraw. Dak li qed jgħidulna l-indikazzjonijiet bħalissa jidher mod ieħor, imma dan ma jfissirx li ma hux se jkollna tellieqa taħraq waqt il-kampanja elettorali li ġejja. Huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi u huma x’inhuma n-numri fis-surveys, it-taqtieha tkun dejjem interessanti, sħuna u kombattuta.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *