It-tweġiba tiegħi lil Andre Callus: Banali hu min jemmen x’qal dak l-eks-priġunier fuq il-ħabs.
Il-bieraħ jien ktibt artiklu dwar l-istorja ppubblikata minn The Sunday Times dwar numru ta’ akkużi magħmula minn eks-priġunier fuq il-ħabs u d-direttur tiegħu. Ħa ngħidha minn qabel. Meta kien hemm bżonn nikkritika lid-Direttur tal-Ħabs ikkritikajtu. Jiġifieri ejjew nibdew ngħidu l-affarijiet kif inhuma.
Mela ftit wara li ħarġet din l-istorja fuq il-Ħabs f’The Sunday Times, ħareġ video ta’ dan il-priġunier jhedded lill-gwardjani tal-ħabs.
Dan l-artiklu tiegħi ma għoġobx lil Andre Callus (tal-Graffiti). Nirrigrazzja lil Andre Callus li ma ddejjaqx jikteb taħt ismu. B’hekk ser nirrispondih għala dan il-video li tela’ dwar dan il-priġunier, jhedded lill-gwardjani tal-ħabs, mhux biss inaqqas minn dak li qed jingħad fuq il-ħabs, imma jxejjen dak kollu li kien ippubblikat dwar il-ħabs minn The Sunday Times.
Kieku dan il-priġunier qal dak li qal f’qorti taħt ġurament, kien joħroġ li gideb. Kien ikun ħati ta’ sperġur. Meta jkunu ppubblikati akkużi serji bħal dawn, fosthom li l-gwardjani jsawtu lill-priġuniera, dak li jgħidhom irid jieħu r-responsabbilita’ tagħhom. F’dan il-każ min qalhom inqabad vilment jigdeb. Lilu qatt ma sawtuh. Dan qalha hu stess għaliex skont hu dejjem obda. Infakkar li meta mistoqsi jekk hu dejjem obda lill-gwardjani, huwa qal iwa u kompla jgħid u għamel akkuża serja ħafna li jekk ma tobdihomx il-gwardjani isawtuk. Imbagħad ħareġ video li mhux biss giddeb dak li qal dan l-eks-priġunier anzi talli dan kien jisfida lill-gwardjani għall-ġlied.
Ftit wara li jagħmel stqarrija bħal din joħroġ video li jwaqqa dak kollu li qed jgħid. Nies bħal dawn aktar iridu joqgħodu attenti x’jgħidu għaliex ir-reputazzjoni tagħhom hija dik li hija. Minħabba r-rekord personali tagħhom għandhom aktar ikunu preċiżi f’dak li jgħidu.
Kif dan il-priġunier inqabad jigdeb fuq dan il-fatt u li hu gravi ħafna seta’ qed jigdeb fuq dak kollu li qal. Żgur li dan mhux xhud tenibbli. Anzi issa jekk verament hemm l-abbużi, wieħed ser jibda jiddubita għaliex bir-raġun jistaqsi jekk din hix xi storja oħra bħal dik ta’ dan il-priġunier.
Is-sewwa hu li s-Sur Dalli mhux maħbub ma’ ċertu għaqdiet u ġurnalisti għaliex kien l-ewwel direttur fl-istorja tal-ħabs li qala’ mill-għeruq il-problema serja ta’ droga li kien hemm fil-ħabs. Dan hu fatt. Dan seħħ għaliex kellhom jittieħdu miżuri li kellhom jittieħdu. Biss jidher li meta ssemmi dawn l-affarijiet tiġi mgħajjar li qed tkun banali.
