Ir-referenzi waħidhom mill-Partit Nazzjonalista dwar x’ġara fit-tmenijiet mhux ser irebbħuh l-elezzjoni

Blog post minn osservatur politiku

Stephen Calleja fl-artiklu tiegħu nħar il-Ħadd fuq l-Independent qalilna li l-Kap preżenti tal-Partit Nazzjonalista żelaq fl-istess qoxra tal-banana li kienu żelqu fiha kemm Dr Gonzi kif ukoll Dr Busuttil. Meta Dr Grech indirizza l-Kunsill Ġenerali x-xahar li għadda reġa mar lura għaż-żmien it-tmeninijiet għax anke hu jinsab dahru mal-ħajt, bħalma kienu l-prediċessuri tiegħu Gonzi u Busuttil.

Kull darba li tiġri din il-ħaġa, l-Partit Nazzjonalista juri biss li jkun qiegħed fi stat ta’ disprament u allura jipprova jaqbad ma’ kull tibna bi ftit relevanza. Meta dawn it-tliet mexxejja għamlu dan l-iżball taw dejjem l-impressjoni li l-Partit Nazzjonalista hu maqbud fil-passat, billi jmorru lura għall-1987 imma dak żgur mhux il-mod biex jagħtu viżjoni għall-futur. Din il-mossa ma ħadmitx fl-2013, meta is-sitwazzjoni kienet aktar iddisprata għax waslu biex tellgħu lil Eddie Fenech Adami jindirizza wieħed mill-mass meetings, waqt li Gonzi u Busuttil kienu preżenti. Ma ħadmitx tant li l-Partit Nazzjonalista qala’ telfa enormi.

Fl-2017 reġa’ ġara l-istess u għal darba oħra ma ħadmitx, għax it-telfa kienet ikbar mill-2013. Veru li l-passat kien glorjuż u ma għandux jintesa, imma li tmur lura 30 sena qiesu dak li ġara dak in-nhar qiesu qed jiġri issa, hija pruvata li ma tagħmilx sens. Anzi jintbagħat messaġġ li l-Partit Nazzjonalista illum mhux kapaċi jħares ‘l quddiem imma għadu jserraħ fuq il-passat. U dan żgur mhux ta’ għajnuna għall-kawża tal-Partit Nazzjonalista llum.

Dr Grech fid-diskors tiegħu rreferiena erba’ darbiet għal 30 sena ilu, imma dan it-tixbih ma jagħmel ebda ġid jekk ma jindikax miegħu t-triq ‘l quddiem. Inutli noqgħodu ngħidu li 30 sena ilu konna ngergru dwar il-qtugħ tad-dawl. 30 sena ilu konna ngergru dwar diskriminazzjoni politika. 30 sena ilu konna ngergru għax kienu jwaqqfuna milli nesprimu l-opinjoni tagħna. Qed ingergru għax qed jeqirduna bl-istess problemi li kellna 30 sena ilu għax ma jafux imexxu l-pajjiż ‘l quddiem. Kliem sabiħ kemm trid, imma l-Partit Nazzjonalista jrid joffri ħafna iżjed minn paragun ma’ 30 sena ilu biex isir oppożizzjoni kredibbli.

Il-Partit Nazzjonalista donnu mhux jifhem li l-votant żagħżugħ ma jinteressah xejn dwar x’ġara fis-snin tmenin, bħal ma kienu jaġixxu ż-żgħażagħ tat-tmeninijiet li ma jinteresshom xejn x’kien jiġri fis-sittinijiet. Ma jistax ikun li nibqgħu mmorru lura bl-istorja, għax nofs il-votant Malti u Għawdxi ma jinteressah xejn x’ġara diversi snin qabel. Dawn il-votanti se jagħmlu l-għażla tagħhom fuq dak li qed jiġri llum u xejn iżjed. Jekk jibqa’ sejjer hekk kull ma jkun qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista huwa li jaħli l-enerġija tiegħu billi joqgħod ifakkar it-tmeninijiet.

Barra minn hekk, dawk li jiftakru minn xix għaddejna dak iż-żmien se jgħidu li għalkemm konna fi żminijet koroh xorta wasalna għax kien hemm determinazzjoni qawwija, xi ħaġa li bħalissa l-Partit Nazzjonalista żgur li ma jistax jiftaħar biha. Barra minn hekk kulħadd ħaseb li l-attakki fuq Adrian Delia se jieqfu kif jitwarrab minn kap. Imma l-attakki komplew u qed jintbagħat messaġġ ċar li l-Partit Nazzjonalista għadu maqsum fi tnejn jekk mhux iżjed. Il-votant ma tantx se jafda partit li qed jgħati sinjal ta’ diviżżjoni.

Anke dik li l-Partit kellu jiċħad blogger minħabba kliemu fuq ex-kap, huma sinjal ta’ dwejjaq li qed isaltan fih il-Partit Nazzjonalista. Biex nieħdu r-raġunament ta’ Dr Bernard Grech, kieku l-Partit Nazzjonalista illum hu b’saħħtu bħal 30 sena ilu, kieku żgur qiegħed f’pożizzjoni li jerbaħ l-elezzjoni li ġejja, meta nafu x’sitwazzjoni u l-iskandli kbar li qed jaħkmu lill-partit fil-gvern.

Imma s-surveys, minkejja l-grey-listing, prattiċi korrotti u mitt ħaġa oħra, xorta qed jindikaw rebħa kbira għall-Partit Laburista. Attivisti tal-Partit Nazzjonalisti ġew mogħtija l-grazzi bil-pulit u ġew innominati wċuh suppost ġodda. Imma jekk dawn in-nominazzjonijiet jidhru li qed jippreżentaw demm aktar żagħżugħ fit-tmexxija, xorta dan il-ftit tibdil mhux biżżejjed biex jidher li l-partit mhux qed iħares biss lejn paġna ġdida imma lejn kapitlu totalment ġdid.

Dan qed ngħidu għax huwa inutli li tinnomina uffiċjali ġodda fl-għola pożizzjonijiet tal-partit, jekk ma twarrabx lil dawk il-kandidati li ġew murija l-bieb ta’ barra b’mod ampju ħafna u terġa’ tippreżenthom bħala parti mill-lista tal-kandidati għall-elezzjoni li ġejja. L-isfortuna hi li ftit kandidati żgħażagħ resqu ‘l quddiem biex forsi seta’ jkun hemm tibdil ta’ ġenerazzjoni. Il-Partit Nazzjonalista jinsab f’dilemma. Jekk iħalli lil veterani jitilqu jispiċċa jippreżenta ruħu b’uċuh ġodda u mhux magħrufa. Jekk jersaq għat-tellieqa bil-veterani se jaqla ħafna kritika li huwa grupp tellief wara dawk it-tkaxkiriet kollha li qala’ kontra l-Partit Laburista.

Tħares kif tħares lejha, is-sitwazzjoni hija tali li l-Partit Nazzjonalista se jitlef dejjem. Li hu tiegħu rridu nagħtuhulu. Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta inizjattivi ġodda biex iwettaqhom jekk ikun fil-Gvern, anke minn ħafna qabel il-manifest elettorali. Imma l-messaġġ mhux jasal. Dan l-aħħar deher ftit kambjament li jindika li l-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista qed jirrealizzaw li l-medium modern huwa mportanti ħafna.

Imma jrid jinvesti ħafna iżjed u mhux biżżejjed ftit tibdil kosmetiku jew strateġista ġdid, biex il-Partit Nazzjonalista jsir eleġibbli għat-tmexxija ta’ pajjiżna. Hemm bżonn li internament ikun hemm ħafna kooerenza bejn kulħadd jekk iridu jkunu iffukati fuq dak li jkun għaddej u l-iktar importanti. Jekk tkun iffokat fuq avversarju partikulari u jkun qed jakkwistalek voti importanti, ma jistax xi ħadd ieħor jitkellem fuq suġġett totalment differenti.

Ma tistax ikollok attakk iffukat fuq Edward Zammit Lewis u ftit ħin wara tissejjaħ konferenza stampa fuq Għawdex biex terġa’ ssemmi t-trasport bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer, xi ħaġa pruvata, ttestjata u ma rnexxietx. Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa’ jserraħ fuq il-passat għall-viżjoni tiegħu għall-futur. Li ġara 30 sena ilu kellu saħħa fuq l-istorja ta’ 30 sena ilu u ma għandu ebda referenza llum. Il-Partit Nazzjonalista irid jinqata minn dak li ġara dak in-nhar. Il-votant fl-elezzjoni li ġejja se jitfa’ l-vot tiegħu fuq dak li qed jiġri fl-2021 jew 2022 u mhux dak li ġara fl-1987, barra l-fatt li ż-żgħażagħ l-anqas biss jiftakruh dak iż-żmien u allura huwa estranju għalihom.

https://www.independent.com.mt/articles/2021-08-15/local-news/Note-to-PN-We-re-not-in-1987-6736235976?fbclid=IwAR3WsgKP43vs0WQIHjp78Chs9wvxnnIy7Vjtzc8TTviTR1G_8TObj4pnfXw

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *