Għaliex l-ilmenti li tirċievi l-Kamra tal-Avukati ma jkunux tittratti kollha l-istess?

Advertisements

Ftit ilu tellajt artiklu dwar persuna, omm, li ġiet għandi bl-istorja tagħha. Żball li għamel avukat li kellha għadha tbatih sal-lum. Naf li kulħadd uman u kulħadd jista’ jiżballja. Mhux qed infittex, kif kiteb Shakespierre fil-Mechant of Venice, ‘my pound of flesh”. L-anqas qiegħed nagħmel xi kampanja favur in-nisa kontra l-irġiel jew viċi-versa. Dan mhux xi forum femminista. Żball minn avukat jista’ jsir kemm jekk klijent ikun mara u anki jekk inkun raġel.

Nifhem ukoll li jista’ jkun hemm klijenti li jħossu li l-avukat tagħhom żbalja u dan ma jkunx minnu. Biss il-forum qiegħed hemm. Jekk klijent iħoss li avukat naqsu, għandu post ta’ rimedju u dan billi jikteb lill-Kamra tal-Avukati. Din għandha struttura apposta biex tittratta dawn ir-rimedji.

Biss dak li qed joħroġ – u dan ħareġ ċar minn każijiet li qed insegwi – li meta jkun hemm xi ilment kontra ċertu avukati jew anki prokuraturi legali – speċjalment dawk stabbiliti u jkollhom konnessjonijiet politiċi qawwijin, l-impressjoni li qed tingħata hija li l-Kamra tal-Avukati tieħu ċertu żmien biex tieħu azzjoni jew ikunu trattati b’riga differenti. Jista’ jkun li dawn ma jingħatawx dik l-attenzjoni li wieħed jixtieq għaliex ma jkunux fil-media. Biss hu fatt li meta jkun hemm xi każ fil-media, l-attenzjoni tal-kamra tal-avukat tkun waħda tempestiva.

B’azzjoni mhux qed nifhem li l-kamra tikkastiga lill-avukat inkwistjoni jew li trid issibu bil-fors ħati. Hawn qed nitkellem fuq il-fatt li tara u tanalizza l-ilment u mbagħad tiddeċidi. Il-fatt li ġieli, ma ċertu każijiet jidher li hemm prokrastinazzjoni, jiġifieri tkaxkir tas-saqajn, li mhux dejjem tkun murija f’każijiet oħrajn, iwassal biss biex min jagħmel ilment jibda jitħasseb għala l-ilment tiegħu jieħu daqshekk biex ikun ittrattat.