Il-vanġelu ta’ ifred u saltan ta’ Manuel Delia u sħabu

Blog post minn osservatur politiku

Il-Partit Nazzjonalista jrid bil-fors iħares lura u jara minn fejn bdiet din id-divizzjoni li għandu fih. Ma jistax jibda jfejjaq lilu nnifsu jekk ma jħarisx lejn il-bidu ta’ dawn it-telfiet kollha li ħakmuh. Mela l-Partit Nazzjonalista jrid bil-fors iħares lejn l-elezzjoni tal-2008, li rebaħ bi sbrixx, u jammetti li wara dik l-elezzjoni l-esekuttiv li kien qed imexxi l-pajjiż, daħħal f’rasu li kien imbattibbli.

Il-ftit Ministri u Segretarji Parlamentari ta’ dak iż-żmien saru qishom ‘The Untouchables’ bl-arroganza kbira li huma ħaddnu. Mela l-problemi kollha li qed jaffaċċja l-Partit Nazzjonalista llum, huma riżultat ta’ dawk il-politiċi li kien fil-ħakma dak in-nhar. Fil-fatt id-deċiżżjonijiet jew in-nuqqas tagħhom, f’dawk is-snin immarkaw in-niżla li qabdet triqtha u ħadd ma rnexxielu jwaqqafha.

Anzi għall-kuntrarju, in-nuqqas ta’ deċiżżjonijiet komplew naqsu mis-saħħa tal-brejkijiet li seta’ kellu l-Partit biex iwaqqaf l-emoroġija tal-voti. L-inkwiet intern, speċjalment bejn il-fazzjonijiet, li riedu jibqgħu jiddominaw il-politika nazzjonali, għax ħasbu li ħadd ma hu aqwa minnhom, farrku kull possibilita’ li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jieħu r-ruħ.

Illum dan l-istess partit ikollu jammetti, li la ma ttieħdux dawk id-deċiżżjonijiet meħtieġa, għadu l-istess u jekk se jkompli jżomm fi ħdanu dawk l-istess nies, tant arroganti, se jibqa’ l-istess. Id-dominanza ta’ dawk il-ftit herriet il-valuri li dejjem ħaddan il-Partit Nazzjonalista. Saħansitra waslet biex ġabet it-tmexxija attwali prattikament irrelevanti.

Dik it-tip ta’ arroganza li għadha ssaltan sal-lum, qatgħet in-nifs lil ħafna politiċi ġodda, li xtaqu jersqu lejn il-Partit għax ġenwinament jemmnu li jistgħu jkunu ta’ servizz għal ħaddieħor permezz tal-Partit Nazzjonalista. Ħafna sostenituri qed jirrealizzaw li jekk mhux se jtiru ċerti wċuh, ma tantx jista’ jkun hemm fejqan.

Niftakru f’kull survey li ħareġ sa issa, li dejjem ta l-istess indikazzjonijiet, appoġġ tajjeb lill-Partit fil-Gvern. Jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista mhu qed joffri ebda għażla sodisfaċenti b’tali mod li jressaq l-elettorat lejh. L-establishment tal-Partit, ħafna minnhom uċuh tal-passat ta’ qabel l-2013, u l-fergħat tiegħu b’nies ukoll viċin ta’ dak l-establishment imsemmi, ma huma jagħtu ebda serħan il-moħħ.

Ħarsu minn huma n-nies ta’ Repubblika u s-Soċjeta’ Ċivili, u taraw li dawn b’xi mod kienu parti minn dak l-establishment partikolari ta’ dik l-epoka. Poġġu lil Manuel Delia f’postu, ma’ Austin Gatt, u tifhmu kemm kienu parti ntegrali mill-establishment ta’ qabel l-2013. Dawk li jippretendu li l-partit u l-pajjiż ma jista’ qatt jgħaddi mingħajrhom, huma l-qerda totali tal-Partit Nazzjonalista.

Dawk huma l-għeruq tal-problemi kollha li qed jiffaċċja l-Partit. It-theddida sfaċċata mis-Soċjeta Ċivili, li saret ftit ġranet ilu, biex ikun hemm partit ieħor, minħabba li l-Partit Nazzjonalista ma għadux effettiv u tilef kull saħħa, hija daqqa ta’ ħarta kbira lil dawk is-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista, primarjament għax ġejja min-nies li sa ftit xhur ilu kienu jkunu spalla ma spalla mal-istess sostenituri tal-istess partit.

L-ikbar paċpaċu ta’ dawn l-għaqdiet li jriduha bħala tas-Soċjeta’ Ċivili, Manuel Delia, kien diġa ħaseb f’din il-mossa meta kien qal lill-kap preżenti li se jkunu għassa tiegħu u lest li jwarrbu jekk jidhirlu hekk. U hekk qed jagħmlu. Għax l-arroganza għadha ssaltan fihom u mingħajr ebda dubju hekk se jibqgħu. Il-vanġelu ta’ dawn in-nies huwa, ifred u saltan. Hekk qed jagħmlu.

Jattakkaw lil Adrian Delia, jattakkaw lil Bernard Grech, jattakkaw lil kull min jista’ jopponihom. L-arroganza ta’ dawn in-nies ma plakatx, anżi qed iżidu d-doża. Ħarsu lejn l-attakki fuq Alex Borg, Samuel Azzopardi u oħrajn. Qed jippruvaw itajru lil kull min jista’ jopponi lil tal-establishment l-antik. Dawn iridu jibqgħu jiddominaw u għalhekk dak l-establishment tarah preżenti kull meta jsejjħu n-nies Repubblika u sħabhom. L-establishment irrenja b’saħħtu sal-2017 għax irnexxielhom ukoll jaqbdu lill-Kap dak in-nhar minn imnieħru.

Wara, it-tmexxija ta’ bejn 2017 u 2020 pruvat tnaqqsilhom l-ħakma fuq il-partit, imma tant kienet magħġuna anke fuq ġewwa, li spiċċaw farku lil dik it-tmexxija, grazzi għal nies li kellhom is-saħħa interna fil-partit. Biss l-agħar problema li għandu llum il-Partit Nazzjonalista hija, li dawn l-aljeni li jitfaċċaw f’demokrazija, issa jridu ras it-tmexxija preżenti fuq platt. Dawn jistgħu jagħmluha meta jidhrilhom li għandhom jaġixxu, għax huma poġġewhom hemm, allura faċli jtajruhom. Il-Partit Nazzjonalista spiċċa skjav tiegħu nnifsu. Spiċċa maħkum għal darba oħra minn arroganza mħaddna min-nies li għadhom hemm isaltnu u jmexxu. Dawn huma l-istess nies li kienu hemm f’kull tkaxkira li qala’ l-Partit Nazzjonalista u jekk biċċiet minnhom ma kienux hemm dak in-nhar, inagħqdu magħhom ftit xhur wara u saru parti minnhom.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *