Il-Partit Nazzjonlista jrid ikisser l-Għawdex: il-każ ta’ Samuel Azzopardi

Blog post minn Osservatur Politiku

Donnu l-Partit Nazzjonalista ddeċieda li jagħmel ħsara aktar milli hemm ġo Għawdex. Wara l-aħbar xokkanti ta’ Alex Borg issa għandna xi ħaġa agħar. Samuel Azzopardi se joħroġ indipendenti għal President tar-Reġjun Għawdex.

Jaf il-Partit li dan l-avukat ilu tnax-il sena president ta’ dan ir-reġjun? Jiena qed nifhem sew, li l-Partit Nazzjonalista lanqas biss jaf x’qed jiġri madwaru? Jidher li hemm diversi mingħalihom omnipotenti li qed jaqbdu u jgħaffġu waħedhom. Għal raġuni li jafu minn qed imexxi mid-Dar Ċentrali, dawn iddeċidew li jeliminaw lil Samuel Azzopardi biex ma jerġgħax ikun il-President tar-Reġjun ta’ Għawdex. B’hekk bidlu r-reġoli ta’ kif jkun elett internament ir-rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista li jingħażel biex biex jipparteċipa fl-elezzjoni ta’ Ottubru li ġej mill-Kummissjoni Elettorali biex jintgħażel il-President tar-Reġjun għall-Għawdex.

B’hekk fil-każ ta’ Għawdex, il-Partit Nazzjonalista għamel tellieqa bejn erbgħa min-nies biex jaraw min se jikkontesta meta jasal Ottubru. Ovvju li l-intenzjoni kienet li jtajru lil Samuel Azzopardi. Mela nies minn ġewwa bidlu r-regoli tat-tiġrija, għax kienet tellieqa interna tal-Partit Nazzjonalista. Għażlu tlieta min-nies biex jikkuntestaw lil Azzopardi. B’kemm, minħabba kif għamlu r-regoli, ma jkunux jistgħu jagħtuh iċ-ċans li jerbaħ. Mela għall-ewwel darba jidher li għamlu elezzjoni bil-wirt, jiġifieri bħall-elezzjoni ġenerali bil-voti jintirtu.

In-numru wieħed għandu importanza kbira meta wieħed jivvota. Fil-fatt minn 33 vot li għandhom kunsillera Għawdxin Nazzjonalisti, Samuel Azzopardi ġab 13-il vot, mela jfisser li ġab 41% tal-vot globali. Dan ifisser ukoll li għalkemm kien hemm block vote kontra tiegħu xorta x-xogħol li wettaq ġie apprezzat minn 13-il Kunsillier. Ta’ warajh ġab 9 voti li jfisser li kellu 27% tal-vot globali. Biss x’ġara? Peress li ħarġu tnejn oħra, min ħariġhom għamel ċert li jirtu lil xulxin u ebda vot ma jmur fuq Samuel Azzopardi. Mela kif marret l-elezzjoni jidher ċar li kien hemm block vote kontra Samuel b’tali mod li l-voti kienu imxerrdin fuq it-tliet kandidati u wara bdew jirtu lil xulxin.

Jekk riedu jaħdmu l-elezzjoni fuq il-vot prinċipali, jiġifieri n-numru wieħed, allura misshom reġgħu għamlu elezzjoni kull darba li jaqa’ xi kandidat. Mela għamlu elezzjoni bil-wirt u ġabuha li n-numru tnejn u tlieta jiswew daqs l-ewwel għażla. Kif għamlu l-għadd tal-voti, ġabu fix-xejn l-importanza tal-vot numri 1. L-ewwel għażla spiċċat bħat-tieni għażla u t-tielet għażla. Issa araw x’ġara?

Samuel Azzopardi iddeċieda li joħroġ bħala kandidat indipendenti meta tasal l-elezzjoni f’Ottubru. Jekk kien hemm xi ftehim biex f’Għawdex, il-Presidenza tar-Reġjun titħalla f’idejn in-Nazzjonalisti, issa se joħroġ Nazzjonalist bħala independenti. Min se jitlef? Dejjem il-Partit Nazzjonalista u dan grazzi għat-taħwid li qed iħawdu erbgħa min-nies li jagħmlu li jfettlilhom f’rashom. Issa f’Ottubru se jkun hemm vot miftuħ għal kunsilliera tal-Kunsilli Lokali kollha ta’ Għawdex.

Jekk il-Labour ma joħroġx il-kandidat, kif donnu jidher li ser jagħmel, għax jekk joħroġ jaf li mhux ser jitla’, se jiġri li l-Kunsilliera Laburisti se jkollhom għażla bejn kandidat indipendenti u kandidat Nazzjonalista. Se jitlef dejjem il-Partit Nazzjonalista għax il-kandidati tal-Labour mhux se jivvutaw Nazzjonalist imma, la hemm tellieqa, jivvutaw għall-Indipendenti.

Il-kunsilliera Nazzjonalisti se jkollhom jagħżlu wkoll bejn kandidat ġdid minn tagħhom jew jivvutaw Nazzjonalist bħalhom, imma li tefa’ ismu bħala kandidat indipendenti. Jekk ifettilllu joħroġ kandidat tal-Partit Laburista l-affarijiet ikomplu jitħawdu anki jekk, minħabba n-numri, ma għandux ċans li jitla’.

Mela jiġri x’jiġri ser jitlef il-Partit Nazzjonalista għaliex jew jitla’ kandidat indipendenti jew kandidat Laburista. U hekk, grazzi għal min qed jgħaffeġ fil-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista ser ikompli jidħlu biċ-ċans waqt li l-Partit Nazzjonalista ser jitilfu r-reġjun ta’ Għawdex ukoll. Ma tistax tipprova tifhem kif Partit Nazzjonalista, suppost kbir u glorjuż, kontinwament jispara għal saqajh biex jagħmel ħsara lilu nnifsu.

One thought on “Il-Partit Nazzjonlista jrid ikisser l-Għawdex: il-każ ta’ Samuel Azzopardi

Leave a Reply

Your email address will not be published.