Alex Borg: wild familja Nazzjonalista ta’ prinċipji sodi marbuta ma’ Giovanna Debono

Blog post minn osservatur politiku

Għadni kif qrajt l-artiklu dwar il-laqgħa li kellu Alex Borg id-Dar Ċentrali. Hija ħasra li ltaqgħu ma’ kandidat ġdid u ttrattawh b’dak il-mod imsemmi. Dan meta kellmuh, kellhom jirringrazzjawh u mhux jgħajtu miegħu jew forsi jġegħluh jagħmel affarijiet li jmorru kontra l-prinċipji tiegħu. Jien irrid mil-ewwel noffri s-solidarjeta’ tiegħi ma’ dan iż-żgħażugħ u ngħidlu żomm sod mal-prinċipji tiegħek u tibdilhom qatt u għal wiċċ ħadd. Ftakar li missierek kien Nazzjonalist ta’ prinċipji sodi u ġentili ma’ kulħadd.

Qed ngħid dan għaliex sirt naf li dan Alex Borg jiġi t-tifel tal-mibki Toni Borg, persuna ferm importanti fil-gżira Għawdxija. Toni Borg kien meqjuż bħala l-id il-leminija ta’ Giovanna Debono meta din kienet tmexxi l-Ministeru ta’ Għawdex. Hu kien is-segretarju privat tagħha. Toni kien bniedem li dejjem offra l-għajnuna tiegħu lil kulħadd, għax kien jirrifletti l-għaġna politika li minnha kienet magħmula s-Sinjura Debono. Huwa għalhekk li meta Giovanna Debono kienet fil-politika, il-Partit Nazzjonalista kellu l-maġġoranza f’Għawdex u Alfred Sant ried jiġġildilha bil-ponnijiet.

Bħall-ex-Ministru Debono, Toni Borg kien maħbub ħafna mal-Għawdxin. Huwa ta’ pjaċir li tara t-tifel ta’ Toni, għalkemm għadu żgħir, diġa juri mil-liema stoffa hu magħmul. Ma qagħadx jiddejjaq u ħareġ għonqu għall-prinċipji li għandu għal qalbu. Ammirajtu għal mod ġenwin kif kiteb u nawguralu li jibqa’ jħaddan dawk il-prinċipji li sawru l-Partit Nazzjonalista.

Mela huwa ovvju li l-kandidat il-ġdid, Alex Borg, se jimraħ fuq il-passi ta’ Giovanna Debono u nispera u nawgura li jkompli fuq il-passi tagħha u allura jkollu s-sosten ta’ dawk li kienu jivvutaw lil Giovanna. B’Toni Borg warajha, mhux ta’ b’xejn li Giovanna Debono kienet maħbuba. Jiena nsostni li l-influwenza tagħha u l-imħabba li hija offriet lil poplu Għawdxi żamm lilha, u lill-Partit Nazzjonalista, dejjem popolari f’Għawdex. Meta spiċċat hija mill-politika, Għawdex ma baqax maġġoranza Nazzjonalista.

Sfortunatament għall-ewwel darba fl-istorja politika, il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza. Għandi dritt ngħid li dan ir-riżultat ġie meta Dr Simon Busuttil bagħat lil Chris Said jieħu ħsieb Għawdex. Bi Chris Said kien diżastru assolut fit-tmexxija tal-partit ġewwa Għawdex. Il-Partit Nazzjonalista tilef siġġu u allura tilef l-Għawdex. Għal min hu midħla tal-Għawdxin, kollha jafu li Chris Said ma tantx hu maħbub.

Dr Said għandu l-għejjun ta’ voti tiegħu imma sfortunatament għall-Partit Nazzjonalista, in-numru ta’ dawn il-voti staġna. Chris Said mhux qed iżid in-numru ta’ voti li jista’ jagħmel differenza. Meta fl-esekuttiv kien qal li mhux se jikkontesta ħadd ma emmnu u fil-fatt kollha kellhom raġun, għax kif ġietu x-xoqqa f’moxta tefa’ ismu fit-tellieqa.

Din għal Għawdex u għall-Partit Nazzjonalista hija problema, għax Chris Said mhux jattira voti ġodda u lanqas ma hu qed jattira lura dawk il-voti li qalbu għal fuq il-Partit Laburista. Infakkar li numru ta’ Nazzjonalisti ta’ Giovanna Debono marru mal-Lejber u kieku l-gvern ta’ Muscat ma għamilx l-iżball tattiku li attakka r-raġel ta’ Giovanna, kieku kien ikollu maġġoranza ikbar f’Għawdex.

Għawdex żgħir u n-nies magħrufa. Lil Chris Said kulħadd jafu u kulħadd jaf ukoll li l-familja Said, jiġifieri ħut Chris, sejrin tajjeb, anżi sejrin tajjeb ħafna, fil-business tagħhom kemm ilu l-Labour fil-Gvern. Minħabba dawn l-affarijiet mhux se jkun faċli li Chris Said iżid in-numru ta’ voti f’Għawdex. Il-Partit Nazzjonalista għandu jkun rikonoxxenti lejn Alex Borg li resaq biex jimla vojt kbir li ħalliet Giovanna Debono.

Imma mid-dehra l-istorja qed turi mod ieħor. Biex partit b’dahru mal-ħajt, jinsulenta kandidat ġdid bi prospetti tajba, dan kollu għax iddefenda lill-partit tiegħu minn attakk viljakk minn fergħa li żviluppat mill-istess partit, hija xi ħaġa tal-biki jew mhux ukoll tal-waħx. Flok jirringrazzjaw lil Alla li sabu żgħażugħ li lest jidħol għas-sagrifiċċju biex jipprova jerġa’ jagħti l-ħajja partit f’Għawdex għaliex qiegħed f’agunija, jkun hemm dan l-attakk isteriku fuqu.

L-amminstrazzjoni preżenti tal-Partit Nazzjonalista bil-fors tilfet il-kalma, tilfet il-bilanċ, tilfet it-trankwillita’, tilfet l-ideoloġiji kollha, tilfet is-sens komun, tilfet il-viżjoni għal kollox u tilfet kull sens ta’ raġunament. Għax jekk it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista lesta li tagħżel vapur li qed jegħreq u tasal biex, bl-atteġġjament tagħha, tbiegħed minnha vapur li qed jagħti sinjali ċari li se jsalvaha, allura tibda tgħid il-moħħ tħawwad. Mela jkollok tasal għall-konklużżjoni li Repubblika, flimkien mat-tmexxija tal-partit, qed tilgħab il-logħba ta’ Chris Said, billi tattakkalu kandidat, anki jekk mhux l-uniku, li jista’ jagħtih ġlieda tajba għall-voti.

Ikollok tammetti li l-anqas iż-żewġ deputati l-oħra Għawdxin fil-Parlament ma huma qed jinkwitaw lil Chris Said. Anzi dawn spiċċaw il-pupazzi tiegħu. Ovvju dawk it-tnejn jagħmlu bħan-nagħaġ ta’ Bendu u jimxu wara Said għax ħatafhom taħt idejh.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *