Kull min ma jaqbilx ma’ Repubblika sar Faxxista

Kull min ma jaqbilx ma’ Repubblika għandu attitudni u sentimenti faxxista. Hekk qal l-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina, meta rrefera għal post mimli sinċerita’ ta’ Alex Borg, kandidat ġdid f’isem il-Partit Nazzjonalista fuq it-13 il-distrett.

Aquilina stqarr li hu jemmen fid-djalogu. Fuq liema djalogu qed jitkellem? Fuq dak li tellgħu biex jaqsmu l-Partit Nazzjonalista u jriduh jagħmluh wieħed Marxista? Jgħidilna ma min iddjaloga qabel tella’ dak il-post? Jgħidilna ma min iddiskuta qabel ma’ sħabu li qed jiddefendi qalu li se jaqsmu partit politiku? Tajjeb inkunu nafu ħalli naraw hemmx xi Faxxist fil-Partit Nazzjonalista lest li jaqsam l-istess partit biex jingħaqad ma’ Robert Aquilina u sħabu. Infakkar lil Robert Aquilina li l-Ingliżi u l-Partit Laburista kienu jgħajru lil Nerik Mizzi faxxist kif illum għamel hu fir-rigward ta’ Alex Borg!

Robert Aquilina kompla jiddikjara li meta l-linja tad-diċenza tinqabeż u kull appell għar-responsabilita’ jaqa’ fuq widnejn torox, ma jibqa’ ebda triq ħlief li jitkellem ċar u pubblikament. Mela dan il-bravu għandu dritt jitkellem b’mod ċar u pubbliku, u għax ikun hemm min ma jaqbilx miegħu ikun mgħajjar faxxist. Hekk kienu jagħmlu lngliż lil Nerik Mizzi! Tridx tħallina kwieti Sur Aquilina. Aquilina kompla jgħaxxaqha ftit iżjed meta qal, li ma fadalx aktar lok ta’ attakki fuq Repubblika f’demokrazija.

U skond Aquilina dak li attakka lil Repubblika jrid jiskuża ruħu immedjatament. Isa Sur Alex Borg skuża ruħek ma’ dan l-alla falz. Ara ma jfettillekx. Int għandek dritt tikteb dak li tħoss. Int għandek dritt tikteb dak li temmen fih. Int għandek dritt tiddefendi l-prinċipji tiegħek. Int għandek dritt titbiegħed minn dan id-diskors diviżiv, l-uniku diskors li jafu jagħmlu Repubblika. Int għandek dritt tħeġġeġ lil ħaddieħor jagħmel bħalek.

U oħroġ il-għaġeb reġgħet tfaċċat Daphne Caruana Galizia fl-attakk ta’ Repubblika. Ma huma se jħallu lil ħadd jiġi iżolat jew jinqatel bħal ma ġralha Daphne. Biex tinżel f’dawn il-livelli trid tkun veru patetiku? Min qed isemmi l-iżolament? Min qed jinstiga xi tip ta’ qtil? Metaforikament Repubblika qed toqtol, għax qed tħeġġeġ biex jinqered partit glorjuż darba għal dejjem.

Alex Borg għandu kull appoġġ minni fuq dak li kiteb. B’liema dritt Soċjeta’ Ċivili toħroġ attakka partit politku stabbilit? B’liema dritt Soċjeta Ċivili toffri rovina għal partit b’140 ta’ storja glorjuża? Għal liema raġuni qed tagħmlu? Jaqaw għandhom l-inkwiet mat-tmexxija tal-partit bħalissa jew iridu iżjed mill-Partit Nazzjonalista u mhux qed jaslu?

Xi tridu tgħidu biha li l-Partit Nazzjonalista is ‘faltering’ li tfisser ‘losing strength or purpose and stopping or almost stopping’. Li kieku ma kontux Faxxisti intom, kontu tiddikjaraw eżatt x’qed tgħidu.

Jekk tħossu li l-Partit, kif inhu bħalissa, ma għandux tmexxija ta’ stoffa biżżejjed biex tasal tieħu l-Gvern, misskom għidtuha kif inhi u mhux titolbu għall-qerda ta’ partit minn fejn fuq kollox sirtu xi ħaġa intom. Jekk qed taraw li l-Partit Nazzjonalisti qed ibati fil-konfront tal-partit fil-Gvern, sejħulha kif inhi u mhux tressqu affarijiet drastiċi biex tkissru l-Partit Nazzjonalisti.

Hemm nies oħrajn li jistgħu jieħdu t-tmexxija f’idejhom. Hemm min lest li jagħti ħajtu għall-Partit Nazzjonalista, imma żgur ma hemmx nies tal-affari tagħhom li lesti jeqirduh. Nispera li Repubblika għamlet l-homework tagħha. Nispera li jafu li jekk jifformaw partit għalihom, hemm dawk li lesti jitilqu l-Partit Nazzjonalista u jingħaqdu magħhom. Repubblika bil-fors taf li kif tiftaħ il-bibien għal kandidati ġodda magħha se tkun qed tisraq numri ta’ politiċi stabbiliti li lesti li jersqu magħhom.

Jekk is-sitwazzjoni hija hekk, jien bħala Nazzjonalista ngħidilhom, ħuduhom illum qabel għada. Eħilsuna minn dawk li lesti jiġġakbinaw lill-partit li għamilhom nies. Ħuduhom illum qabel għada, għax dawn ikunu nies li m’humiex denji li jkunu parti mill-Partit Nazzjonalista. Anżi jekk Repubblika lesta li tagħmel hekk, jien bħala Nazzjonalist ngħidilhom grazzi bil-quddiem.

Leave a Reply

Your email address will not be published.