Ikomplu l-komplotti kontra Adrian Delia fil-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Il-komplotti kontra Dr Adrian Delia donnhom ma huma se jieqfu qatt. Il-klikka valenuża ma humiex kuntenti li Adrian Delia ma għadux Kap. Donnhom anke bħala deputat qed jagħtihom f’għajnhom. Issa b’dak li ġara fl-aħħar ġimgħat saret iktar faċli li jikkonfoffaw kontra tiegħu. Fl-aħħar snin Lovin Malta kienet dejjem parti sostanzjali għall-attakki maħsubin kontra Dr Delia. Anke meta spiċċa minn kap, Chris Peregin dak iż-żmien ma’ Lovin Malta, ma kienx ħalla okkażżjoni waħda taħrablu, li ma fajjarx kontra Dr Delia biex jipprova jkompli jisħaq li dan għandu jwarrab anke minn deputat f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Inħoss li bil-fors hemm raġuni, għaliex Peregin qatt ma waqaf jattakka lil Dr Delia. Saħansitra sa ftit ġranet qabel ngħaqad mal-Partit Nazzjonalista kien għadu jfittex ix-xagħra fl-għaġina biex jibqa’ joskurah. Issa qiegħed fil-qalba tal-Partit Nazzjonalista. Ftit tal-ġranet ilu rajnieh ukoll preżenti f’laqgħa li kellu Dr Bernard Grech ma’ Repubblika.

Apparti li kien hemm Robert Aquilina u xi ħadd miegħu, minn naħa tal-Partit Nazzjonalista kien hemm erba’ min-nies Dr Bernard Grech, Dr Peter Agius u Chris Peregin u xi ħadd ieħor. Jien m’inhiex lest li nemmen li dak il-ħin waqt laqgħa, semi uffiċjali, saret xi diskussjoni jew kompla jinbena l-komplott kontra Delia. Biss komplotti hemm u attakki qed isiru.

Qed nikteb dan għaliex Christian Peregin ċaħad li kellu x’jaqsam ma’ din id-diċerija. Din iċ-ċaġda tellajtha inti Dr. Mercieca fil-blog tiegħek. Il-problema hija li l-istorja ta’ Peregin illum hija dik li hija. B’hekk irid ikun żgur li dawn il-manuvri ma jsirux għaliex id-dell ser jaqa’ fuqu. Għal ħafna Nazzjonalisti, Peregin mhux biss ġej mill-kamp Laburista imma anki mill-kamp ta’ anti-Delia.

Ejja naqtgħu barra lil Peregin la caħad allura intuh il-benefiċċju tad-dubju. Jifdal tnejn. L-ewwel waħda hija Diane Izzo. Din issemmiet bħala l-businesswoman li magħha allegatament kellu diskussjoni Yorgen Fenech dwar dan il-famuż chat li ma jeżistix. Diane Izzo sparat ‘il fuq fid-dinja tal-business kemm ilu fil-Gvern il-Labour Party, jiġifieri mill-2013. Hija fetħet ħafna ħwienet. Ir-raġel tagħha sar ambaxxatur. Fuq kollox hija ħabiba personali ta’ Michelle Muscat. Ejja ngħidu li Yorgen Fenech verament tkellem magħha. Taħsbu li din instigatu dan l-attakk? Ma naħsibx għaliex aktar għandha x’titlef milli terbaħ.

Mela fadal il-klikka li hemm fil-Partit Nazzjonalista wara Repubblika. Parti integrali mill-klikka huwa Beppe Fenech Adami. Hawn xi ħadd jemmen li l-klikka se tabbanduna lil Beppe Fenech Adami meta politikament sejjer ħażin? Beppe Fenech Adami joħroġ fuq it-8 distrett fejn se jkun hemm kandidat Adrian Delia. Nafu li Fenech Adami qed jagħmel ħafna house visits għax din id-darba imwerwer li se jibqa’ l-art. Ma noħodiex bi kbira għax kull Malti fit-8 distrett, u speċjalment kull Nazzjonalist, irid bil-fors juri l-għadab tiegħu għall-ħsara kbira li għamlu t-tfal ta’ Eddie lill-Partit Nazzjonalista.

Il-kostitwenti tat-8 distrett jafu wkoll, li meta Beppe kien Viċi-Kap, il-Partit qala’ l-akbar tkaxkira li qatt kiseb il-Partit Nazzjonalista. Iridu jiftakru wkoll li fl-2013 Beppe Fenech Adami kien parti mill-kabinet ta’ Lawrence Gonzi. Mela kundanna dopja. Ilu jinkiteb fuq dan il-blog li l-kunjom Fenech Adami ma għadux popolari u lanqas meħtieġ fil-kuruturi tal-Partit Nazzjonalista. Kull fejn resaq xi ħadd b’dak il-kunjom għal xi elezzjoni interna, jidher li qed ikollu disfatta wara l-oħra.

Bħala Nazzjonalist li m’inhiex mit-8 distrett nawgura li kulħadd jiftakar, fil-kwiet tal-kamra tal-votazzjoni, li ma jistax ikun li l-Partit Nazzjonalista jieħu r-ruħ b’dawn it-telliefa mas-saqajh. La dawn ma jridux jitilqu waħedhom hemm bżonn li l-elettorat iwarrabhom hu.

Imbagħad għandna lir-Repubblika li taf li jekk Beppe Fenech Adami jitlef il-poter li għandu, tkun telfa kbira għalihom ukoll. Kemm marru jiġru jitolbu r-riżenja ta’ Adrian Delia. Tuha ċans tinxef il-linka li biha nkitbet l-aħbar ta’ Lovin Malta. Persważ li Repubblika kienu diġa jafu li se toħroġ din l-aħbar. Kellhom id-dikjarazzjoni lesta kemm imur jaqra’ l-bravu President ta’ Repubblika. Toħroġ il-għaġeb kemm marru jiġru u oħroġ il-għaġeb mal-ewwel ċans li kellhom reġgħu attakkaw lil Adrian Delia.

Imbagħad iridu jikkonvinċuna li dawn qed ikunu ta’ ġid lill-Partit Nazzjonalista. Jekk il-Partit Nazzjonalista mhux se jiċħad lir-Repubblika mill-aktar fis, se jkun l-elettorat li ser jiċħad lill-Partit Nazzjonalista.

Issa ż-żejjed kollu żejjed.

One thought on “Ikomplu l-komplotti kontra Adrian Delia fil-Partit Nazzjonalista

Leave a Reply

Your email address will not be published.