Il-Partit Nazzjonalista jrid jiddisassoċja ruħu mis-Socjeta’ Ċivili darba għal dejjem

Jekk Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista mhux se jiddissassoċjaw ruħhom mis-Soċjeta Ċivili, teżisti possibilita’ li l-Partit Nazzjonalista jisparixxi għal kollox. U dan ikun grazzi għal grupp ta’ ex-Nazzjonalisti li baqgħu jesiġu li jibqgħu jidhru fil-prima linea. Dan ikun grazzi għal ftit ex-Nazzjonalisti li ddeċidew li jaħtfu l-partit u jippruvaw jagħmlu bih li jridu. Dan ikun grazzi għal ftit ex-Nazzjonalisti li mingħalihom li jafu kollox huma, li mingħalihom li l-Partit Nazzjonalista jrid joqgħod għal dak li jiddettaw huma, li mingħalihom li għandhom xi don divin li huma biss jafu x’inhu l-aħjar għal pajjiżna, li mingħalihom li jiddeċiedu huma kif il-Partit jagħżel il-politika tiegħu.

Qed jinħass li l-Partit Nazzjonalista sejjer lura għaż-żmien ta’ bejn 2013 u l-2017 meta kien immexxi minn kap li kien tmexxih blogger. Donnu qed jerġa’ lura għal dak iż-żmien, meta, għalkemm jeżisti kap, xorta qed ikollu joqgħod għal dak li jgħidulu terzi, f’dan il-każ is-Soċjeta Ċivili u sħabhom. Dan huwa l-ħsieb ta’ ħafna Nazzjonalisti llum. Dan huwa l-ħsieb ta’ dawk li qed jibżgħu li s-Soċjeta Ċivili u sħabhom qed jaħtfu l-Partit Nazzjonalista f’idejhom. Jekk xi ħadd jipprova jiqfilhom allura jippruvaw jaqsmu il-partit.

Ir-risposta għal dan kollu hija li l-Partit Nazzjonalista hu sovran u ma għandu jħalli lil ħadd jaħtfu. Biss issa tidher li s-sitwazzjoni tant gravat li jekk il-partit mhux se jitbiegħed minn dawn is-sangisugi, se ssir ħafna ħsara lill-Partit Nazzjonalista. Hemm biss għażla waħda; is-soċjeta Ċivili trid bil-fors tinħareġ mix-xena politika tal-Partit Nazzjonalista. Hemm protagonisti tal-Partit Nazzjonalista li jridu jagħżlu, jew m’Alla jew max-xitan. Jew mal-Partit Nazzjonalista jew mas-Soċjeta Ċivili.

Dan l-proċess ilu għaddej u dawn in-nies ilhom ikissru fil-Partit Nazzjonalista. Daphne kellha fluwenza kbira fuq il-Partit Nazzjonalista sa meta tfaċċa kap Adrian Delia u qal li l-Partit Nazzjonalista hu kapaċi joħloq il-politika tiegħu mingħajr l-indħil ta’ ħadd. Bata konsegwenzi koroh minħabba dik l-istqarrija. Imma issa hemm bżonn li tirrepeti ruħha dik l-istess stqarrija qawwija. Il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn jinfatam minn din il-klikka ta’ nies. Il-Partit Nazzjonalista bil-fors irid jagħmel għażla. Irid jieħu deċiżżjonijiet iebsin li jistgħu jwasslu li jintilfu xi nies.

It-theddida ta’ qasma fil-Partit Nazzjonalista issa qiegħda hemm. Issa nkitbet iswed fuq l-abjad. Issa bdew, anke jindunaw u jifhmu l-messaġġi, kandidati li qed iwasslu l-kjarifiki tagħhom. Issa l-attitudni ta’ dawn li jafu ħafna ċaqilqet il-pedamenti tal-Partit Nazzjonalista. Kif jista’ il-Kap tal-Partit jibqa’ ċass għall-manuvri bħal dawn? F’għeluq il-140 sena tiegħu, flok qed nassistu għal ċelebrazzjonijiet għal dan l-anniversarju, qed naraw attakk minn ex-Nazzjonalisti biex jisparixxu jew jaqsmu l-Partit. Jekk verament in-Nazzjonalisti għadhom jixtiequ li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ qawwa, bħal ma dejjem kien, hemm bżonn li kulħadd jimxi fuq il-passi ta’ kandidat ġdid Għawdxi li mingħajr tutibazzjoni ħareġ messaġġ ċar lis-Soċjeta Ċivili u lil Repubblika. Huwa kkundanna b’qawwa lil dawn in-nies. Hu iddikjara li ma jridx ikollu x’jaqsam ma dawn l-entitajiet għax il-għan prinċipali tagħhom imur lil hinn mill-prinċipji u l-valuri tal-Partit Nazzjonalista. Hu kiteb li għadu u jibqa’ jemmen u jimxi u jibqa jimxi mal-valuri tal-Partit Nazzjonalista. Għalih iż-żewġ entitajiet imsemmija huma rrelevanti. Huwa jħeġġeġ lill-esponenti tal-Partit biex jimxu fuq dawk il-passi imporanti biex ikompli jissaħħaħ il-Partit Nazzjonalista. Il-kandidat il-ġdid bagħat messaġġ b’saħħtu. Dak għandu jkun l-ispirtu jekk iridu jaraw li l-Partit Nazzjonalista jkompli jeżisti. Hemm bżonn ta’ kundanna bħal din minn kull deputat u kandidat biex joħorġu għall-informazzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi, min huma dawk il-veru nies li jistgħu jiġu konsidrati li huma tassew denji li jippreżentaw lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Open photo

One thought on “Il-Partit Nazzjonalista jrid jiddisassoċja ruħu mis-Socjeta’ Ċivili darba għal dejjem

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *