Dan l-inkwiet intern fil-PN qed ipaxxi lill-Partit Laburista

B’dawn l-attakki interni qed jitpaxxa l-Partit Laburista. Iktar ma Repubblika u sħabhom jattakkaw lil xi ħadd minn fost l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista, iktar ikunu qed jgħinu lill-partit fil-Gvern jerbaħ l-elezzjoni. Illum tifhmu għala qed nikteb kif qed nikteb f’dan il-blog. Hawnhekk jien ma nikkritikax lil Lovin Malta fuq dak li ppubblikat. Fuq kollox dawn xogħolhom qed jagħmlu. Jekk żballjaw ikollhom iħallsu għall-iżball tagħhom.

Il-problema hawn li din l-istorja ta’ dawn il-jiem oriġinat mill-istess Partit Nazzjonalista u Repubblika. Waqt li għal Lovin Malta din hija aħbar u aktar żjajjar fil-sit tagħhom, dawk li ħarġu b’din l-istorja mill-kamp Nazzjonalista u Repubblika spiċċaw jagħtu rigal lill-Partit Laburista.

Min qed ibati minn dan kollu? Hemm tellief wieħed u dan huwa biss il-Partit Nazzjonalista. Dak li nista’ ngħid dwar Lovin Malta huwa li jekk dawn ħasbu li b’din l-istorja kienu qed jaġevolaw lil xi ħadd jew xi grupp fil-PN għandhom żball kbir.

Dawn huma attakki li qed joħolqu aktar firda fl-istess ambjent tal-Partit Nazzjonalista. Dawn huma nsulti li ma jagħmlu ġid xejn lill-Partit Nazzjonalista. Jekk hawn min jieħu pjaċir bihom, allura dan ix-xi ħadd ma għandu ebda idea kif taħdem il-politika.

Lil Lovin Malta xi ħadd taha din l-informazzjoni. In-nies u l-partitarji mill-ewwel indunaw li dan kien attakk ġej minn xi grupp ta’ sostenituri ta’ Repubblika, sħabhom fil-Partit Nazzjonalista. Dan se jkompli jżid l-inkwiet intern. Is-sostenituri ta’ min ikun qed jiġi attakkat mhux se jieħdu gost b’dawn l-attakki. L-istess sostenituri mhux se jgħidu li la qed jattakkaw liż-żiemel tiegħi, jien se nabbandunah u noqrob lejn min qed jattakka għax forsi jidher aktar b’saħħtu. Le ma jiġrix hekk.

Is-sostenituri ta’ min qed jiġi attakkat jippruvaw jifhmu min qed jattakka. Meta jaslu biex jippuntaw subgħajhom lejn xi ħadd minn ġewwa, allura dik ma tkun xejn ħlief daqqa ta’ ħarta lill-istess partit. Is-sostenituri ta’ Adrian Delia qed jifhmu li dawn l-attakki ġejjin biss mill-għejra għal min hu sejjer aħjar minnhom. Jekk tiġi konfermata li daħlet l-għira, hemm jibda’ inkwiet ħafna akbar. Hi l-għira li qed iġġib dan l-inkwiet. U aktar ma’ Adrian Delia ser ikompli jissaħħaħ fuq id-distrett ta’ Birkirkara, aktar ser jiżdiedu dawn l-attakki minn kullimkien u minn kull angolu fuqu.

It-telliefa se jkunu l-għajjura, jiġifieri dawk li qed jistigaw dawn l-attakki. Araw ftit kemm jinkitbu u jistqarru li partit politiku ma għandux jistenna li jieħu vantaġġ mill-ħażin li jagħmel il-partit avversarju, għaliex jagħmel ħażin. Hawn xi ħadd jaħseb li l-Partit fl-Oppożizzjoni jista’ jerbaħ l-elezzjoni mingħajr ma jipprova jirkeb fuq l-iżbalji tal-Gvern? Dan mhux biżżejjed. Kull partit irid jibni xi ħaġa ġdida hu. Kull partit irid juri li kapaċi jasal fuq l-inizzjattivi tiegħu waħdu. Kull partit irid juri li jekk jieħu l-Gvern jaf x’irid jagħmel. Kull Partit irid ikollu viżjoni tiegħu. Ma jistax jistenna lill-avversarju jagħmel l-iżbalji u jirkeb fuqhom. B’dawn biss ma tirbaħx elezzjoni.

Issa x’qed jiġri f’dawn il-battibekki interni fil-Partit Nazzjonalista? Dawn il-battibekki qed jaslu b’tant ħeffa u ċarezza għand il-pubbliku li ħsara biss qed jagħmlu. Qed juru li dan mhux partit li jaf jibni imma biss partit li jaf ikisser. B’hekk dan ser ikun partit tellief. Biex terbaħ għandek bżonn ta’ kull vot. Biex terbaħ trid li kull ċittadin intitolat għall-vot, imur jivvota. Biex terbaħ trid tkun għamilt tellieqa soda int u mhux tistenna li tirbaħ grazzi għall-iżbalji ta’ min qed itellaq miegħek. Biex terbaħ trid turi li int preparat u mhux tirkeb fuq in-nuqqasijiet ta’ sieħbek jew tal-avversarju tiegħek.

Barra min dan kollu, rridu niftakru li s-sostenituri ta’ Dr Delia li ġejjin minn kwalukwe parti ta’ Malta u Għawdex, ilhom erba’ snin jaqilgħu ġo l-istonku tagħhom. Dawn ħasbu li la l-għedewwa tiegħu warrbuh minn kap, ser iħalluh jagħmel it-tellieqa tiegħu mingħajr bsaten fir-roti. Imma donnu li mhux hekk qed jiġri. Issa x’jiġri lill-umani meta jiġri hekk? Dawn se jifferoċjaw iżjed u fl-aħħar se jaslu, jekk mhux diġa ddeċidew, li fl-elezzjoni li ġejja ma jivvutawx. Min se jitlef minn deċiżżjonijiet bħal dawn? Xi kandidat avversarju? Le. Se jitlef il-Partit Nazzjonalista għax jekk imqar persuna waħda ma toħroġx tivvota, jkun affettwa lill-partit sħiħ u ħadd iżjed.

Mela sinjuri ta’ Repubblika u sħabkom, komplu xerrdu l-attakki ta’ għejra tagħkom, u b’ċertezza l-aħjar li ser imur huwa l-Partit Laburista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *