Chapeau lil Edwin Vassallo minħabba l-prinċipji li jħaddan.
Blog post minn osservatur politiku
Valuri, Lealta’ u Konsistenza, tliet prinċipji li jgħożż Edwin Vassallo. Dan sibthom miktubin fuq leaflet li qed jitqassam fid-djar tal-11-il distrett fejn jippreżenta ruħu bħala kandidat Edwin. Hawn ħafna li jammiraw lil Edwin għall-prinċipji sodi tiegħu. Hawn min jikkritkah ħafna minħabba l-prinċipji konservattivi tiegħu. Il-valuri għal Edwin huma ix-xhieda għal dak li jemmen fih.
Araw x’jiddikkjara Edwin fil-leaflet li jqassam fuq il-valuri?
“Dħalt fil-politika għaliex għalija l-valuri umani, li fuq kollox huma valuri Nsara, huma riga tas-sewwa li fuqhom ħadt, u nibqa’ nieħu, id-deċiżjonijjiet tiegħi.”
U dan jagħmlu għax jemmen
“li nkunu qed noqtlu lil pajjiżna kemm-il darba noqtlu r-ruħ soċjali tagħna, dik li dejjem tatna identita’ u żammitna bħala poplu maqgħud.”
Imma żgur li ħadd ma jista’ jgħid li mhux lejali għaliex nafuh iħaddan il-prinċipju tal-lealta’ tul ħajtu kollha. Huwa jistqarr li huwa leali lejn
“dak li nemmen fih, leali lejn pajjiżi, leali lejn il-partit tiegħi, li tfisser lealta’ lejn il-Kap tal-partit tiegħi.”
Huwa jestendi l-lealta’ tiegħu lejn il-kostitwenti tiegħu għaliex jemmen b’konvinzjoni li fil-politika, il-lealta’ tfisser responsabilita u din iżżommok dejjem leali lejn dmirijietek. Kemm ilu fil-politika Edwin dejjem ħares lejn il-Partit Nazzjonalista bħala l-għodda biex iservi, biex javviċina lin-nies, biex ikun man-nies. Imma jagħmel dan grazzi għall-Partit Nazzjonalista. Huwa dejjem emmen hekk u għalhekk huwa politiku konsistenti. Huwa jwiegħed din il-konsistenza u fil-fatt jistqarr li tista’ ma taqbilx miegħu imma taf tajjeb fejn qiegħed miegħu.
Huwa ma jemminx li tkun populista u ma jilgħabx għall-gallarija. Edwin huwa plitiku konxju li mhux kulħadd jaċċettah kif inhu u għalhekk jiddikjara li
“Nifhem li hawn min hu ta’ fehma differenti minn tiegħi, iżda għaliex għalija ugwaljanza tfisser rispett sħiħ lejn id-diversita’, jien dejjem ħdimt ma’ kulħadd u dejjem sibt raġuni valida għaliex għandi naħdem ukoll ma’ min ma jaqbilx miegħi. Dan għaliex fis-sinċerita’ u l-onesta’ dejjem sibt fuq xiex naqbel ukoll ma’ min għandu ideali differenti minn tiegħi.”
“Ħudni kif jien” iħobb jgħid Edwin. “Jien trasparenti ħafna. Jekk tkun tafni llum, se tinduna x’kont il-bieraħ u kif se nkun għada“.
F’dan il-leaflet jindirizza lill-kostitwenti tiegħu u jistaqsihom jikkonsidrawh bħala wieħed mill-kandidati preferuti tagħhom. Ma hemmx egoiżmu fl-appell tiegħu, “wieħed minn oħrajn“, jgħid Edwin, għax ma jħossx li għandu jisforza lil xi ħadd li jagħżel lilu bil-fors, imma lest li jkun parti minn numru ta’ kandidati li l-kostitwenti jippreferu.
Anki fid-dikasteru tiegħu, jaħdem ma’ kulħadd u għal kulħadd. Dejjem lest biex ileħħen l-inkwiet li jiffaċċjaw dawk li hu jitkellem għalihom fil-Parlament, il-bdiewa, r-raħħala, is-sajjieda, s-self-employed, is-sidien ta’ negozji żgħar, il-koperattivi u dawk li jħaddnu delizzji tradizzjonali. Edwin dejjem qalb in-nies. Ix-xogħol tiegħu jippermettilu li jilqa’ klienti jekk jinqala’ l-bżonn li jixtru xi ħaġa milli joffri hu.
Imma l-ħanut huwa wkoll post fejn kull min ikollu xi ħaġa xi jgħid jista’ jagħmilha bl-akbar liberta’ u mingħajr diffikulta. Dejjem dispost li jisma’, dejjem dispost li jservi. Qatt ma naf li kien hemm xi ħadd li Edwin irrifjuta li jisimgħu, għax għandu widna ta’ appoġġ għal kull Malti u Għawdxi.
