L-istorja kontra Adrian Delia toħroġ fil-media waqt li Bernard Grech jinsab imsiefer u minn wara dahru

Illum ħarġet storja kontra Adrian Delia f’Lovin Malta. Fiha kien allegat li business woman rċeviet messaġġ mingħand Yorgen Fenech. F’dan il-messaġġ, Yorgen Fenech allega li Adrian Delia kien bagħtlu messaġġ waqt li kien għaddej id-dibattitu fuq 17Black fil-Parlament. Peress li din l-istorja dehret f’One News ħa nagħtiha kif dehret:

Is-sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali qalulna li din l-aħħar mossa ta’ Repubblika kienet ikkordinata bejn l-istrateġista tal-Kap Bernard Grech, Christian Peregin, l-establishment tal-Partit Nazzjonalista u r-Repubblika nnifisha.

Mela skont One News, is-swaba qed idur lejn Christian Peregin bħala l-awtur ta’ din l-istorja kollha. Jekk dan hu minnu, dan ser ikompli jżid l-inkwiet fil-Partit Nazzjonalista, aktar u aktar, jekk tinstab li din l-istorja mhix minnha. Wieħed irid jiftakar li ftit wara li ħarġet din l-istorja, l-għaqda Repubblika ħarġet titlob għar-riżenja mill-parlament u mill-Partit Nazzjonalista tal-eks-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Repubblika ħarġet l-istqarrija tagħha wara li l-eks-kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, kien ċaħad din l-istorja kategorikament. B’hekk Repubblika wżat il-kondizzjonali “jekk”. Dan hu indikazzjoni li din hija storja maħduma minn ġewwa.

Dak li hemm stramb f’din l-istorja huwa l-fatt li normalment, chats marbuta ma’ Yorgen Fenech jiġu ppubblikati f’The Times jew f’The Sunday Times. Dawn għandhom aċċess għaċ-chats li ġew depożitati mill-pulizija fil-qorti. Fil-verita’, jekk niftakar tajjeb kellhom ġa aċċess għalihom saħansitra qabel ma ġew iddepożitati fil-qorti, bħal mal-famuż chat – li kien ġie mmanipulat – bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia, juri biċ-ċar u dan kien intuża biex jitwarrab Adrian Delia minn kap tal-Partit Nazzjonalista.

Biss hemm dettal ieħor li huwa interessanti u għadu ma ħariġx fil-media. Din l-istorja ħarġet fil-mument li Bernard Grech jinsab msiefer. Hu totalment estranju għalija u min ikkordinat kollox, għamel kollox minn wara dahar Bernard Grech. Imma dwar dan aktar ‘il quddiem.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *