L-attakk fuq Adrian Delia ilu ppjanat u t-triq ġa kienet bdiet il-bieraħ t’lura
It-Times of Malta, tal-bieraħ. it-Tnejn 9 ta’ Awissu qaltilna li Dr Bernard Grech, waqt l-intervista tiegħu fuq ir-radio, ġurnata qabel, sejjaħ lil Prim Ministru Robert Abela biex ineħħi (to remove) lil Joseph Muscat u Edward Zammit Lewis mill-Partit Laburista. Dan qed jgħid li Abela għandu jagħmlu għax dawn it-tnejn qed jagħmlu l-ħsara lir-reputazzjoni u l-kredibilita’ ta’ pajjiżna.
Illum ħarġet l-aħbar fil-Lovin Malta, li Adrian Delia kellu chats ma’ Yorgen Fenech waqt li kien għaddej dibattitu fil-Parlament dwar 17Black. L-użu tal-kliem użat mill-media kien li persuna fil-business qal li Yorgen Fenech bagħatlu chat waqt dan id-debate. Fi kliem ieħor mhux qed nitkellmu fuq chats diretti minn Adrian Delia. Id-daħqa hija li ċ-chats ta’ Yorgen Fenech ġew kollha għand il-pulizija. Mela suppost iċ-chat originali qiegħed fil-lista ta’ chats li ġew depożitati fil-qorti. Biss dwar din l-istorja ser nikteb aktar ‘il quddiem. Fi kliem ieħor mhux qed jgħidu li Adrian Delia bagħat chats lil Yorgen Fenech imma li Yorgen Fenech qed jgħid li Adrian Delia bagħatlu chats.
Ma hemmx dubju li dan il-logħob bil-kliem qed jintuża biex jinħolqu żewġ aħbarijiet paralleli, anki jekk dawn mibnija fuq t-tafal.
Illum nifhem għala Dr Grech jibqa’ jsostni fuq din it-tneħħija ta’ Edward Zammit Lewis u Joseph Muscat mill-Partit Laburista, meta din hija totalment f’idejn it-tmexxija tal-Partit Laburista u ma hiex xi ħaġa pubblika. Fil-mira hemm Adrian Delia.
Infakkar li tkun membru ta’ partit hija xi ħaġa totalment privata. Fil-fatt ħafna ħaduha bħala xi ħaġa skandaluża, meta semgħu li Chris Peregin kien membru taż-żewġ partiti kbar ta’ pajjiżna u li kieku ma tkellimx hu ħadd ma kien ikun jaf. Il-membri ta’ kull partit politiku jagħmlu hekk, għax jafu li ebda partit ma għandu interess li jikxef jew ixandar l-ismijiet ta’ dawk ittesserati miegħu.
Dr Grech kompla jgħid li s-sitwazzjoni ma hi xejn feliċi u donnu ħadd ma jrid jagħti każ jew jifhem f’dak li pajjiżna qiegħed bħalissa. Għamel referenza li dan huwa l-Ministru tal-Ġustizzja li għandu relazzjoni intima ma’ Yorgen Fenech li allegatament huwa konspiratur fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dr Grech emfasizza li f’dan il-każ Zammit Lewis huwa l-attur u mhux il-vittma.
Issa ħarġet din l-istorja li l-media penġiet lil Adrian Delia bħala l-attur meta hija bbażata fuq detto del detto. Sadanittant Adrian Delia ċaħad din l-istorja.
Hija verament xi ħaġa mhux mistennija li Ministru tal-Gvern ikun f’kuntatt ma’ persuna li allegatament kienet qed tuża kumpaniji sigrieti biex tgħaddi flus lil terzi, anki jekk din l-istorja hija aktar komplessa u l-media mhux qed titkellem sew dwarha u qed tagħti l-verzjoni li jaqblilha. Biss mhux ser niddejjaq nikteb dwarha fi blogs oħra f’dan is-sit. Il-gazzetta tkompli tgħidilna:
“If Prime Minister Robert Abela truly loves his country he needs to get rid of Zammit Lewis and Muscat, who both continue to damage the island’s reputation. For as long as they remain in politics, Malta will remain on the grey list and lose more credibility.”
Hawnhekk il-gazzetta qed tgħidilna li Dr Grech irid jeħles (get rid) minn dawn iż-żewġ atturi fl-istorja għax jekk se jibqgħu in xena se jkun kaġun li pajjiżna jibqa fuq il-lista l-griża. Issa żdid attur ieħor f’din il-lista, għaliex bl-istess argument għandu jitlaq Adrian Delia. Dan jispjega għala Repubblika ħarġu stqarrija fil-kondizzjonali fejn qalu li jekk veru dak li ntqal fuq Adrian Delia, dan għandu jirreżenja. Dak li qed iħassibni f’din l-istorja għala Repubblika wżat il-kondizjonal, permezz tal-kelma jekk. Hemm xi ħaġa li mhix minnha.
Wisq nibża li anki lil Bernard Grech ħadmuh u daħħluh f’nassa li issa ser ikun ħafna diffiċli biex joħroġ minnha.
