“L-affarijiet sbieħ f’ħajtek iseħħu meta tiddistakka ruħek minn dak kollu li hu negattiv.”

Blog post minn osservatur politiku

Id-deputat Nazzjonalista, Ivan Bartolo, tella’ post fuq Facebook b’dan il-kliem, “L-affarijiet sbieħ f’ħajtek iseħħu meta tiddistakka ruħek minn dak kollu li hu negattiv.” Ngħidlu li għandu raġun mija fil-mija. Imma jekk jista’ s-Sur Bartolo jikteb dawn il-kliem b’ittri kbar u skuri, joħodhom miegħu d-Dar Ċentrali u jwaħħalhom x’imkien fejn jarahom kulħadd u forsi dak il-messaġġ jasal għand nies partikulari li għadhom ma rrealizzawx li jekk mhux se jinqatgħu min-negattivita’, il-partit tagħhom mhu se jasal imkien.

Kif tista’ tiġbed in-nies lejk meta kontinwament tara l-fraka f’għajn ħaddieħor u ma tarax it-travu f’għajnejk. Kemm se jdumu jwasslu messaġġi s-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista, li qed jgħidu li ma jistax ikun li l-politika tal-Partit Nazzjonalista tinbena fuq dak li nimmaġinaw li qed jagħmel ħażin il-Gvern. Imma possibbli dawn in-nies fl-esekuttiv mhumiex kapaċi jagħmlu waħda tajba? Imma possibbli jridu bil-fors jikkritkaw kollox?

Ma jistax ikun li xi ħaġa tajba ma hemmx. Ma jistax ikun li l-partit fil-gvern ma jikkombina xejn tajjeb? Imma kif jgħidu l-Ingliżi, f’pajjiżna għall-Partit Nazzjonalista, kollox ‘gloom and doom’. Il-biċċa l-kbira tal-esponenti tal-Partit dejjem iħarsu minn lenti mċajpra jew skura. Ma jaraw qatt, dak ix-xaqq dawl u ma jimmaġinaw ebda tama għall-pajjiżna.

Niftakru tajjeb lil Joseph Muscat jispjega x’se jagħmel hu jekk ikun Prim Ministru u kien jibgħat messaġġi pożittivi meta kien fl-Oppożizzjoni. Kien ukoll jikkritika kontinwament imma dak li kien abjad jgħidlu abjad. Ma kienx idur mal-lewża imma kien jirrikonoxxi t-tajjeb li għamel Gonzi. Ftakru x’qal fuq il-kwistjoni tal-piloti Libjani. Muscat lil Gonzi qallu xi ħaġa hekk, jien warajk f’dak kollu li tiddeċiedi. Kien jammetti li Gonzi kien fil-Gvern u meta kien ħaqqu l-appoġġ kien itihulu. Ir-riżultat kien li rebaħ il-gvern b’maġġoranza li qatt ma rajna bħala.

Illum għandna Oppożizzjoni kontinwament tara kollox ikrah. Kontinwament tikkritika u qatt ma jkollha kliem ta’ ringrazzjament jew appoġġ għal dak li jkun qed jagħmel il-Gvern. Ħalli nifthemu, fil-parlament 90% tal-liġijiet jgħaddu bi qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni, imma meta niġu biex nindirizzaw xi ċorma nies jew nagħtu xi konferenza stampa, hemm le għax ikunu jridu juru li huma oppożizzjoni u allura jridu jopponu f’kollox.

Qatt smajtu lill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista jagħmlu xi konferenza fejn jgħidu li qablu mal-Gvern fuq xi deċiżżjoni? Jekk issibu xi eżempju jkun vera tela’ ħmar mal-arblu. Anke għas-sostenituri Nazzjonalisti stess, ma jifilħux jisimgħu aktar negattivita’, kollox ħażin u kollox bi skop ulterjuri. Kif jistgħu s-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista jimmaġinaw li meta l-Partit tagħhom se jkun fil-Gvern, ir-rappreżentanti tagħhom se jaqilbu għall-posittivita’?

Meta kontinwament tibgħat sinjali skuri, ħadd mhu se jemmnek li kif tieħu l-Gvern se jiċċara kollox u jibdew niżlin oġġetti mis-sema. Il-partitarji qed jaqtgħu qalbhom jisimgħu u jaraw in-nies tagħhom li japprezzaw ix-xogħol tajjeb li jkun qed isir. Ftit tax-xhur ilu kien hemm mod differenti kif jaddottaw il-politika. Kien hemm mentalita’ oħra ta’ kif wieħed iħares lejn il-politika ta’ kuljum.

Kien hemm mod ġdid. Imma kien hemm nies moħħhom mimli bil-ħsieb negattiv, li din it-tip ta’ mod ġdid fil-politika dejjaqhom u għamlu ħilithom biex jiżbranaw min-nofs lil min kien qed iressaq din it-tip ta’ politika. X’ħa l-Partit Nazzjonalista llum? Sar jgħix fid-dlam. Ara kemm ħambaq Ryan Callus li pajjiż bla dawl u fid-dlam. Naħseb aħjar jara x’qed isir madwaru u jifhem il-pajjiż minn xix inhu għaddej u x’politika qed jaddotta l-partit tiegħu, milli jikkritika mingħajr lanqas biss ifittex dak il-ftit tajjeb li seta sar, hu kemm hu. Ma jistax ikun li kollox ħażin. Il-Partit Nazzjonalista għaddej minn żmien li tant qed ikun negattiv fi kliemu li sar qisu ‘l’uccello del mal augurio”.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *