Il-Partit Nazzjonalista u l-ideoloġija konservattiva tiegħu
Il-Partit Nazzjonalista jrid jirranġa daru kemm jista’ jkun malajr u jiffoka iżjed fuq dak kollu li jolqot liċ-ċittadin b’mod dirett speċjalment l-aspett finanzjarju personali. Illum il-ħajja qed tgħola ħafna. Kemm nagħti eżempju. Mara l-bieraħ marret tixtri granita. Mil-lum għal għada, l-granita għoliet minn one euro għall-one euro fifty. Dan hu eżempju wieħed. Biss jista jkun hemm aktar eżempji, inkluż minn oġġetti essenzjali.
U għalhekk il-partit Nazzjonalista jrid imur lejn l-ideoloġija oriġinali tiegħu. Dak li qed jiġri llum huwa li l-Partit Nazzjonalista saħansitra qed imermer l-ideoloġiji tiegħu. Fejn sejjer bl-ideali tiegħu? Tajjeb li tkun konservattiv, bħalma fuq kollox dejjem kien, il-Partit Nazzjonalista. Il-progress illum ġie sinonomu mal-ħajja li qed togħla bla rażan. Fuq kollox hemm min jaħseb li tajjeb li tidħol ftit l-ideoloġija liberali. Biss din qed twassal biex b’xi mod il-fazzjonijiet kollha jibdew jgħixu flimkien? Le. Anzi qed iġġib aktar ħsara u taqta’ lill-Partit Nazzjonalista mill-bażi tiegħu. Mhux qed jitkellem fuq il-problemi tal-lum. Għax fil-prattika, il-liberaliżmu dak li hu; li mil-lum għall-għada, biex nibqa’ mal-eżempju ta’ hawn fuq, wieħed jgħolli l-prezz ta’ granita 50%.
Ma jistax dan il-partit jogħġob lil kulħadd f’kollox u kull ħin. Inutli jipprova jinħeba minn dawk l-ideoloġiji li dejjem ħmew il-Partit Nazzjonalista u nispera li qatt ma jsib triq li qatt ma ħaddan, għax jitlef in-naturalezza tal-ħsieb politiku tiegħu. Dan ma jfissirx li qed inħarsu biss lejn il-ħsieb tal-ġenerazzjoni matura. Anke iż-żgħażagħ japprezzaw din il-għażla bħalma japprezzawha min għadu qed irabbi u n-nies fil-faxxa ta’ eta’ tan-nofs. Jekk ser jibqa’ mal-ideoloġija liberali li daħal fiha, il-Partit Nazzjonalista ser jitlef il-bażi tiegħu – jiġifieri l-klassi medja. L-ideoloġija liberali li qbadna qed twassal biex tinqatel din l-istess klassi li kienet il-bażi tal-Partit Nazzjonalista.
U hawn hi l-logħba vinċenti li jmiss. Min se jagħti lil din is-sezzjoni tal-poplu leħen fejn iħossu komdu jitkellem? L-estremiżmu qatt ma ħoloq ġid, kemm jekk hu dak tas-sinjur (jiġifieri lemini) u kemm jekk hu dak tal-proletarjat (jiġifieri xellugi). Il-klassi tan-nofs jew moderata kienet dejjem wara l-Partit Nazzjonalista u llum qed tħossha li qed tmut.
Jekk il-Partit Nazzjonalista mhux ser jiftaħ il-bieb għal dawn in-nies mhux ser javvanza. U dan jista’ biss jagħmlu billi jmur lejn l-ideoloġija tiegħu stess. Kif jgħidu l-virtu’ u r-raġuni jinsabu fit-triq tan-nofs.
Min se jkun li jilqagħhom l-ewwel fil-partit tiegħu? Jista’ jkun li dak il-partit ikun sab il-joker tant mixtieq biex jgħinek terbaħ u tasal. L-ironija li dan kien dejjem f’idejn il-Partit Nazzjonalista biss grazzi għar-raġunijiet li ili nikteb dwarhom telqu minn idejh.