Ir-rapport Moody’s jikkonferma li Malta ser tieħu aktar minn tliet xhur biex toħroġ mil-lista l-ġriża

Blog post minn osservatur politiku

Il-poplu Malti bħalissa mitluf jaqra fuq ir-rapport tat-tliet Imħallfin dwar Daphne Caruana Galizia. Bħal donnu l-problemi kbar l-oħra sparixxew. Jista’ jkun li forsi tfajnihom taħt it-tapit għal ftit żmien, imma żgur li se jerġgħu joħorġu minn hemm f’qasir żmien u jekk ma naħdmux fuqhom b’ritmu mgħaġġel se jsallbuna iżjed.

Jekk xi ħadd qed jaħseb li l-problemi ffaċċjati minħabba l-FATF huma faċli biex insolvuhom qed jilludi ruħu bil-kbir. Ir-rapport ta’ Moody’s jikkonferma dan. Għalhekk meta Dr Bernard Grech wiegħed li se jreġġa’ lura lil Malta fuq il-lista il-bajda fi żmien 90 ġurnata, kien qed jiddeludi lilu n-nifsu u lill-Maltin u l-Għawdxin kollha. Ġa r-rapport Moody’s juri dan. Biss hemm aktar raġunijiet. Ħa naraw għaliex.

Dr Grech għamel dik l-istqarrija b’risposta għall-istqarrija li kien għamel il-segretarju permanenti Alfred Camilleri meta qal li għandna bżonn ta’ 18 il-xhar biex nirbħu din il-battalja. Kif Bernard Grech semma t-3 xhur kulħadd qal, din stqarrija b’saħħitha ħafna. Imma għaliex? 3 xhur kien ikun żmien straordinarju kieku l-elezzjoni se ssir f’dan ix-xahar. Allura il-Kap tal-Oppożizzjoni, jekk jerbaħ il-Gvern, kien ikollu tassew 90 ġurnata biex jipprova jwettaq kliemu. Imma kulħadd jaf li, issir meta issir, f’dan ix-xahar. Issa hemm ir-rapport Moody’s li jikkonferma li l-ebda elezzjoni mhi ser isolvi id-data ta’ meta Malta toħroġ mill-lista l-griza.

U Dr Grech ma għandu ebda sfera maġika tal-kristall biex ikun jaf meta u lanqas jista’ jindaħal. Imma agħar minn hekk, Dr Grech ma għandu ebda idea x’sitwazzjoni se jsib jekk l-elezzjonijiet isiru malajr u jsib ruħu Prim Ministru. L-aħħar li tista’ ssir l-elezzjoni hija f’Settembru 2022, li jekk issir dak in-nhar inkunu veru viċin it-18 il-xahar li qalilna Camilleri. Jidher li qed jingħad hekk għax Iceland, bejn wieħed u ieħor, daqshekk ħadet biex inqalat mil-lista l-griża, dejjem jekk Malta tiġi trattata bħal Iceland.

Imma nafu li f’dawn il-każi ma tistax tagħmel paraguni. U lanqas hemm ebda garanzija li m’aħniex se nieħdu iżjed minn Iceland. Il-wegħda li qed jagħmel Bernard Grech ma hiex kredibbli anke jekk l-elezzjoni ssir tnax il-xahar ieħor. Hija l-opinjoni ta’ ħafna li kemm tmintax il-xahar kif ukoll 3 xhur, huma wegħdiet irresponsabbli u kull ma qed jagħmlu jilludu l-imħuħ ta’ ħafna li huma nkwetati minħabba s-severita’ tal-lista l-griża u tas-sitwazzjoni ta’ pajjiżna. Il-Prim Ministru għamel ħafna dikjarazzjonijiet b’saħħithom li se jagħmel minn kollox biex joħroġ lil Malta mil-lista l-griża.

Imma l-FATF għamlitha ċara ħafna li Malta sabet ruħha hemm għax f’pajjiżna qed inħallu kriminali magħrufa jostru nuqqasijiet kbar finanzjarji li qed inaqqsu is-sigurta tal-komunita’ internazzjonli f’pajjiżna. Dawn baqgħu ma ġewx investigati mill-pulizija allavolja hemm l-evidenza. Għadu ma tressqu fuq xejn u l-aktar importanti għadu ħadd ma ġie mixli, mitfuħ il-ħabs jew kundannat b’xi mod jew ieħor. Dak li qed isir huwa pressjoni fuq iż-żgħir.

Għal kuntrarju għandna min għadu jiġri f’pajjiżna mdawwar b’impunita’. Kif ukoll jaħtaf konsulenzi, kuntratti governattivi, xi chairman ‘l hawn u xi ambaxxatur ‘l hinn. Kien hemm u għad hawn, Ministri wieħed wara l-ieħor, jużaw proċeduri biex iqassmu l-flus pubbliċi. Iqabbdu xogħol lill-kostitwenti f’xogħolijiet ineżistenti, iqassmu d-direct orders u jiġu jaqgħu u jqumu mill-Awditur Ġenerali. Lanqas biss jindenjaw ruħhom jaħsbu jew jirrejalizzaw li pajjiżna qed jiġi skrutinnizzat b’għajnejn ta’ isqra li huma ħafna iktar attenti mill-awtoritajiet tagħna. L-isfortuna hi li tidher li lanqas it-triq lura lejn il-bjuda għadha ma giet ippreparata. U dan hu tort tal-Oppożizzjoni għaliex ma hix ta’ ispirazzjoni.

Kull ma ssemma aktar ‘l fuq irid jiġi investigat sewwa, jitressqu n-nies u jekk hemm bżonn jieħdu dak li ħaqqhom. U l-Oppożizzjoni għandha titkellem mingħajr favuri u mhux tkun silettiva fil-kritika tagħha.

Dan irid isir, qabel l-FATF tibda tikkonsidra lil pajjiżna, fejn għandna ħafna ħallelin mhux dikjarati, lura fuq il-palk finanzjarju. Camilleri qalilna li se nieħdu 18-il xahar. Il-Prim Ministru nħanaq jgħid li se jżid investigaturi, imħallfin, regulaturi. Biss irid jirrealizza li diġa tlifna aktar minn xahar fuq ir-retorika u ftit azzjoni.

Il-problema tinsab fil-fatt li skond l-aħħar surveys, Dr Grech ma tantx għandu ċans li jara l-Gvern fl-elezzjoni li ġejja. Biss anke jekk jilħaq isir ħafna xogħol, xorta l-wegħda ta’ 3 xhur tibqa’ mhux sostenibbli. Jekk tagħmel xogħolha l-pulizija, neħlu fl-investigazzjonijiet li jieħdu s-snin biex jitwettqu u ħafna drabi ma jikkonkludu xejn.

Il-kawżi fil-qrati jieħdu s-snin. Evidenzi jintilfu. Xhieda ma jitfaċċawx. Dawn huma kollha problemi li se jkollna nikkunbattu magħhom. L-FATF sewwa qalet li trid tara l-infurzar, prosekuzzjonijiet u kundanni. L-ikbar problema li qed tiffaċċja Malta hija li naqsu n-nies ta’ integrita assoluta, li kapaċi jieħdu dawn l-affarijiet ‘l quddiem.

Imma anki jekk insibuhom, xorta tidher iebsa ħafna biex inkopru dawn l-affarijiet kollha fi 18-il xahar. Kull min jaħseb li biex noħorġu mil-lista l-griża hija triq għall-wita qed joħlom. Kull min jaħseb li hemm xi triq faċli li nistgħu ngħaddu minnha qed jilludi ruħu. Kull min jaħseb li għandna quddiemna xi biċċa cake għal taħt sniena qed jara sa mnieħru. Kull min jaħseb li biex naslu ma rridux naħdmu ħafna, b’inteliġenza u b’integrita kbira qed jimmaġina li qed ngħixu fil-ġenna tal-art. Ir-rapport Moody’s ikkonferma dan.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *