X’qal Sandro Chetcuti lil The Sunday Times? Ftit riflessjonijiet

Is-Sunday Times kellha intervista ma’ Sandro Chetcuti, President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Isviluppaturi. Kellna ħafna risposti nteressanti jekk mhux ukoll li jaħsdu ftit lilna n-nies komuni.

Fil-bidu ta’ l-intervista Chetcuti jgħid li l-poplu ħafna drabi jkollu raġun jgħid li għandna bini lest jew tiela, li jkerrah l-ambjent ta’ madwaru. Jammetti wkoll li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ma jifilħux jaraw iżjed traskuraġġni fuq il-lant tax-xogħol, speċjalment fl-attitudni tagħhom għall-ġirien fejn ikunu qed jaħdmu.

Skond Chetcuti hija perċezzjoni li l-iżviluppaturi għandhom diversi politiċi fil-but. Huwa jkompli li ma jistax iżomm lin-nies fil-business li ma jmorrux għand il-politiċi u lanqas jekk ikunu jridu jagħtu xi flus. Biss illum nies bħalu saru parti mill-politiċi għax tqegħdu fil-qalba ta’ l-awtoritajiet.

Imma l-verita’ hija, dejjem skond Chetcuti, li l-politiċi jmorru għandhom għall-flus. U huma jafu li jekk ma jkollox support politiku proġetti, anki jekk tajbin ma jimxux.

Biss kompla jgħid li l-partiti politiċi kontinwament jeqirdu għall-flus. F’kull maratona jibagħtu nies għandhom biex jagħtuhom id-donazzjonijiet. Fil-fatt Chetcuti qal “mhux ovvja” li l-partiti politiċi jċemplu jew jibagħtu messaġġi biex jitolbu donazzjonijiet u fil-fatt wera lill-ġurnalist diversi messaġġi li hu jirċievi minn għand politiċi taż-żewġ partiti.

Chetcuti jgħid li ma jagħtix tort lill-partiti politiċi li jitkarrbu għall-flus, għaliex dawn għandhom bżonn il-flus biex jaħdmu. Ikompli jgħid li mhux għax l-iżviluppaturi jagħtu xi flus b’daqshekk ikunu qed ixaħħmu lill-politiċi. Biex isaħħaħ l-argument Chetcuti jgħid li min ikun irid jikkorrompi, ma jmurx għand il-partit politiku imma jmur għand individwu fil-politika, għax il-partit ma jista’ jagħtik xejn.

Huwa għalhekk li Chetcuti jemmen li l-partiti politiċi għandhom jieħdu flus mill-iStat, jiġifieri mit-taxxi tal-poplu. B’hekk ma jkunx hemm għalfejn in-nies tan-negozju jagħtu flejjes lill-politiċi u b’hekk il-pajjiż jinħeles minn dubji li kontinwament ifeġġu fuq in-nies fil-kummerċ u l-politiċi. Sandro Chetcuti jgħid li meta businessman ikun kapaċi ma għandux għalfejn jikkorrompi lil ħadd, għax jasal bil-kapaċita’ tiegħu. Imma jien inżid li jekk ma jkollox il-politiku warajk, ċertu proġetti l-anqas jibdew. Hu kompla jgħid li Lanqas jaqbel li l-politiċi għandu jkollhom ħbiberija ntima man-nies tan-negozju. Il-politiċi għandhom josservaw l-etika tal-pożizzjoni li huma għandhom.

Chetcuti jkompli jgħid li l-Maltin u l-Għawdxin jaħsbu li n-nies tan-negożju huma kollha ħallelin. Biss hu jisħaq li kieku ma kienux dawn in-nies, kieku ċ-ċittadini jmutu bil-ġuħ. Din hija ġidba oħra. Kieku ma hemmx l-istat, kieku ċertu businessman mietu bil-ġuħ. Biss l-istat jista’ joħloq sistema li tgħinek jew tkissrek. Hemm min qiegħed fin-negożju u jaqlagħha tajjeb. Allura dan għandu jbati l-konsegwenzi ta’ dak li ma jaqlax biżżejjed. Fil-fatt Chetcuti qal li ilu jisħaq mal-Gvern Malti li l-paga minima għandha titla’ għal elf Euro (€1,000).

Meta mistoqsi dwar l-art tal-Gvern, Chetcuti qal li hu dejjem saħaq li din għandha tinbiegħ għal numru ta’ snin u bil-prezz tas-suq. Hu qal li kien ta parir lill-Gvern biex ma ibiegħx il-White Rock u kien għamel ħiltu biex ma jħalliex lill-Gvern jagħti l-art iż-Żonqor, art quddiem il-baħar, għal skola. Meta mistoqsi dwar kemm kien jgħin lil Joseph Muscat fl-2013, huwa qal li xtaq ikun hemm il-bidla u kien jara lill-Partit Nazzjonalista f’tarf ta’ preċipizzju. Kompla li hu ma tax sehmu għal affarijiet li setgħu saru ħżiena. L-intenzjonijiet tiegħu għall-bidla kienu ġenwini.

Chetcuti jinsab imdejjaq meta survey wera li 9% biss jinkwitaw dwar l-ambjent. Biss l-MDA dejjem pruvat issib bilanċ bejn li nieħdu ħsieb l-art tagħna u nibnu bini li kulħadd seta’ jixtri. Kieku l-pjanijiet ta’ pajjiżna jifilħu li kullimkien isir bħal Birgu, kieku l-postijiet ikunu kollha għoljin u ż-żgħir ma jkun jista’ jixtri qatt. Chetcuti kompla li kull min għandu djar u jrid ibiegħ, ma tistax twaqqfu li jagħmel negozju. Imma huwa grazzi għall-ippjanar li pajjiżna spiċċa fl-istat li qiegħed illum. Meta mistoqsi jħarisx lejn il-possibilita’ li jidħol fil-politika, Chetcuti qal li mhux qed jaħseb fuq hekk. Huwa speċifika li hija ħasra li l-Maltin u l-Għawdxin qed iħarsu lejn il-politiċi qishom kriminali jew nies ħżiena. Fil-fatt Chetcuti jgħid li jiddispjaċih jara kif evolvit il-politika u ma tagħmillu ebda kuraġġ biex jipparteċipa. Qed jara nuqqas kbir ta’ mexxejja (leaders) għax qed jarawhom jimxu wisq mal-opinjoni pubblika. Il-mexxejja għandhom jmexxu b’viżjoni u jikkonvinċu lill-poplu jkunu parti minn dik il-viżjoni. Jemmen li partit li jrid jerbaħ l-elezzjoni jrid joħlom u jikkonvinċi lill-poplu jkun parteċipi f’dik il-ħolma. Spiċċa jgħid li bħalissa l-politiċi mhux qed joffru din il-ħolma jew viżjoni.

One thought on “X’qal Sandro Chetcuti lil The Sunday Times? Ftit riflessjonijiet

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *