L-apoloġiji f’waqthom jew le?
Blogpost minn osservatur politiku
Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tat-tliet Imħallfin dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru, Robert Abela u l-President ta’ Malta, George Vella, talbu apoloġija lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia għal dak li ddeskrivew bħala ‘qtil tal-waħx’ li issa ġie stabbilit f’inkjesta pubblika, li hu tort ta’ l-iStat. Imma żbalja Robert Abela li waqaf sa hemm.
Biss dawn l-apoloġiji huwa f’waqthom jew le?
Mela bl-istess raġunar, Robert Abela għandu wkoll jitlob apoloġija lill-ex-Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil, li wkoll safa redikolat u mgħajjar għaliex ressaq il-qorti numru ta’ każijiet ta’ korruzzjoni li kollha jissemmgħu fl-inkjesta pubblika. Ma jfissirx li għax Simon Busuttil għadu ħaj u attiv fil-politika allura ma ħaqqux apoloġija tal-mod kif ġie trattat mill-Gvern ta’ Muscat li Robert Abela kien parti minnu. Ma jfissirx li għax numru kbir ta’ nies għandhom ċertu antipatija lejn l-istil ta’ Busuttil allura ma ħaqqux apoloġija. Wara kollox, it-tenaċita tiegħu li jtella’ fuq l-aġenda nazzjonali dawn l-iskandli, għandha tiġi rikonoxxuta.
Bl-istess mod, għandu jagħmel fil-pubbliku l-ex-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li diġa’ ammetta li kien żball meta talab lil Simon Busuttil jissospendi lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant. Minkejja dan, Adrian Delia għandu jaħtaf l-opportunita’ u juża l-kapaċita’ tiegħu fl-użu tal-kelma u jitlob apoloġija lil Simon Busuttil.
Iżda l-apoloġiji m’għandhomx jieqfu hawn. Bħala Kap preżenti tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech jista’ u għandu, jitlob apoloġija lil nies li kienu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u spiċċaw twarrbu għaliex fil-passat ipprovaw jiftħu għajnejn il-Gvern Nazzjonalista. Bernard Grech għandu jitlob apoloġija f’isem il-Partit Nazzjonalista lil Arnold Cassola u Carmel Cacopardo li fi żmien meta dawk, li llum jippuppaw sidirhom taħt il-baldakkin ta’ Repubblika, imma qabel kienu jieklu l-kirxa man-negozjanti l-kbar ta’ pajjiżna, huma kienu jippruvaw jiftħu għajnejn il-Gvern Nazzjonalista.
Dak iż-żmien spiċċaw redikolati minn Ministri bħal Austin Gatt, George Pullicino u Ninu Zammit. Spiċċaw persuni non-grati fil-Partit Nazzjonalista u marru mal-Alternattiva Demokratika.
Hemm ħafna oħrajn imma l-ġest ta’ apoloġija lil dawn it-tnejn, żgur li jservi ta’ balzmu fuq dawk li ma baqgħux jissieltu għal ġustizzja bħalma għadhom qed jagħmlu huma sal-lum.