It-twerwir mill-babaw ma jrebbaħx elezzjoni.
Blog post minn osservatur politiku
Argument li qed jintuża mill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista huwa li jekk ikun hemm numru ta’ nies ma jivvutawx, iwasslu li l-Partit Laburista jkollu żewġ terżi tal-kamra tal-Parlament. Dan huwa messaġġ ta’ twerwir li ma naqbel miegħu xejn. Inutli jippruvaw ibeżżgħu bil-babaw. Inutli li jippruvaw iħeġġu l-vot favur tagħhom jekk il-poplu mhux qiegħed iħossu komdu bit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tal-lum.
Grupp imdaqqas ta’ votanti li ma jaħmlux il-korruzzjoni u jixtiequ reputazzjoni tajba għal pajjiżna, huwa dak il-grupp li se jkollu effett fuq in-numri fl-elezzjoni li ġejja. Hemm min dawn li bħalissa qed jiġu bbumbardjati biex jinsew il-prinċipji tagħhom u jaqblu ma’ Bernard Grech għalkemm jafu li Dr Grech mhux jilħaq l-aspettattivi li għandu bżonn biex ikun kapaċi jmexxi Gvern.
Qed jiġu mwerwrin bil-possibilita’ taż-żewġ terzi tas-siġġijiet, bl-idea li jekk ma jivvutawx lill-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista jerbaħ dawk is-siġġijiet kollha u jkun jista’ jbiddel il-kostituzzjoni biex jibqgħu fil-Gvern għal dejjem. Qed jgħidulhom lil dawn il-votanti biex jagħlqu għajnejhom u jivvutaw xorta waħda lil grupp ta’ nies fil-Partit Nazzjonalista li tilfu kull rispett lejhom, tilfu kull fiduċja fihom u tant dejquhom li ma jriduhomx aktar hemm.
Dawn huma dawk in-nies li taw lill-Partit Nazzjonalista għaxar telfiet wara xulxin. Qed jippruvaw jikkonvinċuhom biex jivvutaw lill-partit l-inqas ħażin. Qed jgħidulhom biex jagħmlu differenza bejn il-ħażin u l-iżjed ħażin. Qed jinkoraġġuhom biex jivvutaw lil partit li jista’ jagħmel l-inqas dannu. Qed iħeġġuhom jivvutaw lin-Nazzjonalisti biex ma jerbħux il-Laburisti u jissiguraw li jisparixxu lill-Partit Nazzjonalista. Qed jgħidulhom biex joqgħodu attenti kif jivvutaw jekk ma jridux li l-Partit Nazzjonalista jsir parti mill-istorja tal-pajjiż.
Imma dawn l-esponenti jridu jħarsu madwarhom u jaraw x’għamel Chris Peregin fl-2013 meta vvota lil-Partit Laburista. Allura bl-istess argument kull min dejjem jivvota lill-Partit Nazzjonalista, għandu dritt iħares lejn it-tmexxija bħalissa bi stmerrija u bil-liberta kollha b’tali mod li jasal jivvota lill-Alternattiva Demokratika jew Partit Demokratiku jew ma jivvota xejn.
L-esponenti tal-Partit iridu jifhmu li meta tordna lil xi ħadd jinsa l-prinċipji u jivvota xorta, se jwassal biex dawn l-istess nies jirrifjutaw li jirritornaw lura fil-merħla. U jekk il-Partit Laburista jirnexxielu jieħu maġġoranza taż-żewġ terzi, l-uniku żball ikun għamlu l-Partit Nazzjonalista u mhux il-votant li kienu pruvaw jikkonvinċuh. L-uniku triq li fadallu l-Partit Nazzjonalista biex jerbaħ lura s-sostenituri li tilef, hija li jrid jakkwista lura l-valuri li minn dejjem attiraw lil-votant Nazzjonalista.
Hemm bżonn urġenti li jitwarrbu dawk id-deputati li kaxkru lill-partit tant l-isfel fit-triq il-ħażina, li ħafna nies qed jemmnu li ma tantx hemm ċans li dan il-partit jerġa jaqbad it-triq it-tajba. Hemm bżonn jiġi elett kap b’saħħtu li jkollu l-karattru sod biżżejjed, li jikkonvinċi lill-votant jivvota għall-programm magħġun b’integrita assoluta. Għandu bżonn manifest elettorali mimli b’ideat kbar, mibni fuq prinċipji li kull Nazzjonalist onest dejjem għożż.
Qaduma Ruma hemm se jibqa il PN.