Il-Ministru Farrugia jitlob għar-reżenja ta’ Bernard Grech

Il-Ministru Farrugia għamel ħiltu biex jiddefendi lil sieħbu Ministru Edward Zammit Lewis. Farrugia ħareġ għonqu għall-Ministru Zammit Lewis tant li qal li għandu jirreżenja l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u mhux Zammit Lewis. Kien wieħed mill-ftit deputati tal-Partit Laburista li tkellem fil-beraħ favur Zammit Lewis. Dan hu element ta’ kuraġġ peress li dan il-ministru qed jiddefendi ministru ieħor li qed ikun akkużat li għajjar lill-Laburisti ‘ġaħan’.

Li ministru jew deputat ta’ partit jiddefendi deputat ieħor hija xi ħaġa normali fil-politika. F’dan il-każ hija mitqiesha anki azzjoni nobbli għaliex qed tiddefendi deputat tiegħek li qiegħed f’diffikulta’. Bħalissa Zammit Lewis qed ikun akkużat li weġġa’ lin-nies tiegħu stess bil-kumment li għamel. Fuq kollox, dawn id-deputati jridu jmorru fuq l-elettorat biex jerġgħu jsibu posthom fil-parlament.

Biss deputat jitlef l-argument meta tgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jirreżenja minħabba li kritika ministru. Waqt li hawn nifhem li qed nitkellmu fuq chat tal-WhatsApp li huma privati u li ġew imperċa mal-erba’ irjieħat tal-pajjiż, bi ksur tad-data protection u ta’ divjit tal-qorti, Farrugia kellu jżomm mal-argument u mhux jitlob ir-reżenja tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Kien jagħmel aktar sens li staqsa għala l-qorti qed tħalli dan kollu għaddej?

Jien nasal biex naqbel mal-Ministru Farrugia li Bernard Grech għandu jirreżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista, imma mhux għal dawn ir-raġunijiet. Hemm ħafna aktar raġunijiet serji li minħabba fihom għandu jirriżenja l-Kap tal-Oppożizzjoni imma mhux għar-raġuni li ta l-Ministru Farrugia. Anzi fuq dan il-punt, Bernard Grech għandu raġun.

Diġa’ ktibt li Zammit Lewis jista’ jikkummenta fil-pubbliku jew fil-privat kif irid dwar il-votanti Laburisti għax dik hija xi ħaġa personali bejnu u bejn il-kostitwenti tiegħu. Jafu x’għandhom jagħmlu jekk ġew iffastidjati. Biss materja bħal din waħidha żgur li mhux mozzjoni ta’ sfiduċja f’ministru u wisq aktar mozzjoni li għandha tinstema b’urġenza. Jekk hemm xi urġenza, din għandha tkun fl-esekuttiv tal-Partit Laburista u mhux fil-Parlament.

Fil-verita’ din l-istorja ġabet problemi lill-Gvern mhux minħabba l-kummenti ta’ Zammit Lewis imma għaliex l-istess Robert Abela qagħad għal dak li riedet Repubblika fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar. Infakkar li wara protesta li għamel Repubblika quddiem l-Auberge d’Aragon, Cutajar ġiet mitluba tirreżenja minn segretarju parlamentari. Eventalment, kien hemm pressjoni biex tirreżenja mill-parlament. Hija żammet sod u dan ma seħħx. Issa x’ser jiġri? Repubblika għamel protesta oħra quddiem l-Auberge d’Aragon u kienet ikbar – f’terminu ta’ nies – minn dik li kienet saret kontra Rosianne Cutajar. Issa x’ser jagħmel il-Prim Ministru?

Żgur li minħabba din ma għandux jirreżenja l-Kap tal-Oppożizzjoni. Dak li hu żgur ukoll li din l-istorja għamlet ħsara kbira ta’ natura politika lil Edward Zammit Lewis.

Id-diskors irid jibqa’ fuq livell politiku u ma jistax jitla’ fuq livell ta’ parlament. Il-parlament qatt ma jista’ jintuża biex jiġġustifika ksur ta’ liġi bħal ma ġara fil-pubblikazzjoni ta’ dawn iċ-chats. Biss fuq livell politiku, kull min jagħmel stqarrijiet ta’ dan it-tip irid jieħu r-risponsabilita’ politika tagħhom.

One thought on “Il-Ministru Farrugia jitlob għar-reżenja ta’ Bernard Grech

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *