Il-ħatra ta’ Joseph Gavin biex imexxi MFSA

Blog post post minn osservatur politiku

Hawn min jiftakar lil Peter Davies? Fl-2011 dan intagħżel biex ikun iċ-Chief Executive Officer tal-Air Malta. Tiftakru l-parlament dak iż-żmien? Kien hemm xi ħaġa li ma qalulux lil Tonio Fenech, dak iż-żmien Ministru, talli għażel lil dan il-barrani. Kemm smajna diskors li l-barrani se jisraq xogħol il-Malti. Kemm smajna argumenti li l-paga kienet esaġerata. Diskors li biex tħallas lil dak qed tħalli lil ħaddieħor nieqes. Li l-paga tal-barrani kienet serq mill-kaxxa ta’ Malta u ruxmata tgħajjir ieħor. Ftit minn dawk il-politiċi li għamlu din il-kritika għadhom hemm illum.

Dak iż-żmien dawn il-politiċi kienu fl-Oppożizzjoni jikkritikaw dak kollu li kien jagħmel il-Gvern Nazzjonalista. Xejn ma kien aċċettabli għall-Oppożizzjoni f’dawk iż-żminijiet. Hekk kien mistenni minna u hekk kienet tagħmel. Dak huwa x-xogħol ta’ kull Oppożizzjoni li żżomm lill-partit fil-gvern dejjem iffukat u dejjem lejali lejn pajjiżu.

Imma x’ġara llum? Ftit tal-ġranet ilu sirna nafu li l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanżjarji Maltija (MFSA) ikkonkludiet l-għażla miftuħa li hija għamlet għal post ta’ CEO fl-Awtorita’. Sirna nafu wkoll li ntagħżel barrani. X’hemm ħażin li barrani jiġi kkonsidrat għal post ta’ ċertu kalibru. Dan jista’ jġib miegħu esperjenza ħafna iżjed minn Malti. Jista’ jġib miegħu ħsieb iżjed miftuħ ta’ kif titmexxa Awtorita’ bħal dik. Jista’ jġib miegħu tmexxija li twassal għal riżultati ħafna aħjar u jkun rebaħ pajjiżna. Imma llum ma smajniex dak it-tgħajjir kollu li smajna ftit tas-snin ilu. Illum kulħadd qed jaċċetta li s-sitwazzjoni tirrikjedi hekk.

Illum kulħadd jaqbel li meta jkollok diffikulta’ ta’ tmexxija minn Malti jew Għawdxi, jkun ħafna iżjed għaqli li tfittex barrani b’esperjenza fil-mestier diskuss. L-MFSA irnexxielha ġġib Malta lil Joseph Gavin. Ma għandi ebda dubju li se jġib miegħu esperjenza li żgur se tissarraf ta’ ġid għal pajjiżna. Imma affarijiet tal-iskantament. Għaliex ma saret ebda kritika fuq din l-għażla? Forsi nfetħu l-imħuħ. Forsi qed naċċettaw li d-dinja saret importanti għal pajjiżna? Forsi qed naraw l-affarijiet minn lenti differenti? Forsi qed naslu għall-konkluzzjoni li esperjenza barranija fiha t-tajjeb tagħha wkoll?

Il-Malti jgħid li biex tiżkonġra trid tkun pur. Mela ejja niftħu moħħna b’tali mod li ma narawx iżjed sa mneħirna. Ejja nevitaw il-paroli politiku vojt, li kull ma jagħmel huwa ħsara. Ejja nikkritkaw fejn tixraq il-kritika. Imma ejja nerbħu lkoll f’daqqa, meta deċiżjoni tkun ittieħdet għal ġid tal-pajjiż.

Leave a Reply

Your email address will not be published.