Fejn qiegħed il-veru good factor fl-ekonomija?

Blog post minn osservatur politiku

Il-Gvern irid jipprova jikkonvinċina li fil-pajjiż hawn ‘a good feel factor’. Sfortunatament jipprova kemm jipprova mhux se jirnexxielu. Biex ikun hawn dak li jixtieq hu, irid ikun hawn il-flus fl-idejn. Bħalissa l-unika fattur li huwa tajjeb huma l-vouchers li qassam u li qiegħdin fl-idejn biex jintefqu. Għandu raġun il-Ministru Silvio Schembri jiftaħar kemm intefqu minn dawn il-vouchers. Għandu raġun għax ħlief huma mhux jintefqu.

Fil-pajjiż il-partit fil-Gvern għamel ħafna ġid. U allaħares le. Kull min ikun hemm fil-Gvern jagħmel l-almu tiegħu biex jagħmel kemm jista’ jkun it-tajjeb. U dan il-gvern mhux eċċezzjoni. Imma li tipprova tbella r-ross bil-labra mhux sewwa. Bħalissa l-poplu Malti u Għawdxi qiegħed pass lura. Qed joqgħod attent x’jonfoq u kemm jonfoq. Qed jibża’ mid-dlam li jista’ jġib miegħu għada.

Qed jibża minn dak li l-futur jista’ jwassal lilu u lill-familja tiegħu. Qabel ma noqogħdu niftaħru li l-pajjiż sejjer tajjeb u kulħadd kuntent u kulħadd ferħan, hemm bżonn naraw x’qed iħoss il-poplu, x’qed jgħid l-poplu u x’qed jinkwitah lil-poplu. Ma jistax ikun li jkollok nies ferħanin u li sejrin tajjeb, meta fl-aħħar tax-xahar jitfgħu fil-but ħafna inqas flus milli kienu jaqilgħu qabel tfaċċa dan l-imbierek virus. Hawn ħafna nies li qed jgħixu minn ġurnata għall-oħra, mela żgur li m’għandhomx ‘a good feel factor’. Hawn ħafna li qed jgħidu grazzi lill-Gvern tal-ammont li qed itihom kull xaħar, għax kieku tatihom rashom jew forsi qed ibatu l-ġuħ.

Dalgħodu kelli esperjenza ġo ħanut f’wieħed mill-irħula kummerċjali ta’ pajjiżna. Tkellimt ftit ma’ sid il-ħanut u ovvjament tkellimna fuq l-andament tax-xogħol. Dan ir-raġel qalli fuq l-esperjenza tal-ġurnata ta’ qabel. Stqarr miegħi li l-bieraħ kien biegħ 60 Euro. Qalli li kienu żewġ pagamenti li saru bil-vouchers tal-Gvern. Kompla jgħid li kieku ma għandhomx il-vouchers f’idejhom in-nies, kieku lanqas jibda fil-bejgħ. Dik hija s-sitwazzjoni bħalissa u għalhekk mhux sewwa meta tisma’ kliem ta’ ftaħir.

Dan il-Gvern ħoloq ix-xogħol. Il-poplu kien sejjer tajjeb. Il-poplu kien qed jonfoq u r-rota kienet qiegħda ddur tajjeb. Imma d-dinja tbiddlet. Il-għawġ laħaq magħna wkoll. Id-daqqa ta’ ħarta qalagħha pajjiżna wkoll. U dan huwa punt importanti li jrid iżomm f’moħħu kull politiku qabel iparla u jisparla. Mhux feliċi li tara dan il-kwiet fil-kummerċ. Kien ikun ħafna aħjar li tara nies deħlin fil-ħwienet jonfqu l-flus għax dak li jaqla’ wieħed jonfqu għand l-ieħor u l-ekonomija ddur.

Kif diġa għidt dan il-gvern ħoloq ix-xogħol imma l-prekarjat refa’ rasu wkoll. Id-daqqa tal-barranin li jaħdmu b’paga ħafna inqas, qed ikollha effett ħażin fuq ħafna ħaddiema Maltin u Għawdxin. Ma flaħtx nisma dalgħodu li għandna Maltin jaħdmu għal erba’ Euro fis-siegħa. Taf x’qed ngħidu? Min kien jaħdem b’erba’ euro fis-siegħa sa ftit tas-snin ilu? Din hija sfortuna li f’pajjiżna daħlu ħafna barranin li biex jaqilgħu l-ħobżna ta’ kull jum lesti jitħallsu hekk għax f’pajjiżhom lanqas daqshekk ma jaraw.

Mela għeżiż politiċi, għamlu pjaċir lilkom infuskom u titkelmux żejjed. Kull diskors mhux f’waqtu jweġġa’. Kull ftaħir żejjed joffendi. Kull atteġjament ta’ ‘kollox sejjer tajjeb’ jista’ jkun daqqa ta’ ħarta għal ħafna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *