Wara l-mozzjoni kontra Zammit Lewis: l-għażla f’idejn il-Prim Ministru
Din il-mozzjoni mill-Oppożizzjoni kontra Edward Zammit Lewis hija l-ewwel test li qed jintgħamel wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tat-tliet imħallfin dwar Daphne Caruana Galizia. Din hija mozzjoni biex jippruvaw ipoġġu lil Zammit Lewis bħala l-ħaruf tas-sagrifiċċju, għaliex il-ftira sħuna tajba. Biss jidher li l-iSpeaker qatagħlha rasha. Qal li ma hemmx urġenza.
Imma xorta, tiġi meta tiġi diskussa din il-mozzjoni, din hija twiddiba fina lill-partit fil-Gvern. Issa l-għażla qedha f’idejn il-Prim Ministru. Dan għaliex Edward Zammit Lewis qed jiġi mpinġi mill-Partit Nazzjonalista u Repubblika bħala l-wiċċ tar-riforma flimkien mal-Prim Ministru. Jiġifieri meta ser ikun qed jissejjaħ vot ta’ sfiduċja f’Zammit Lewis, b’mod ta’ assimilazzjoni dan il-vot ser ikun assoċjat mal-Prim Ministru. Fi kliem ieħor huwa wkoll vot ta’ fiduċja jew sfiduċja f’Robert Abela.
Issa l-Prim Ministru għandu żewġ opzjonijiet. Jista’ jingħaqad mal-oppożizzjoni u jneħħi lil Zammit Lewis minn ministru. Il-fatt li mhux ser ikun hemm dibattitu b’urġenza jagħtih aktar spazju lill-Prim Ministru biex jagħmel dan. B’hekk ikun ħeles minn ministru ieħor ta’ żmien Joseph Muscat biex ikompli jdaħħal id-deputati tiegħu. Fuq dan il-punt ġa tkellimt f’artikli oħra li ppubblikajt il-bieraħ f’dan il-blog. Biss din il-pożizzjoni tista’ tkompli ddarras aktar lill-membri parlamentari tiegħu stess. Inkellha jieħu d-deċizzjoni li jiġġieldilha. F’dan il-każ, ikun ifisser li l-Partit Nazzjonalista jkollu aktar żmien biex iżid fil-kampanja medjatika li qed jagħmel bħalissa.
Liema deċizzjoni jieħu, Roberta Abela mhux ser jeħles mir-risponsabilita’ politika li għandu bħala Prim Ministru. Għaliex jekk tgħaddi din il-mozzjoni, Repubblika u l-PN isaħħu jdejhom u jiddgħajjef Robert Abela. Jekk le, jkun mgħajjar li mhux qed jiġġieled il-korruzzjoni anki jekk dan kollu hu bbażat fuq chats privati li ġew għand il-media b’abbuż tal-istess liġi u ordnijiet tal-qorti.
Tkun xi tkun id-deċizzjoni, din hija daqqa oħra kontra l-ġgant Laburista. Fl-istess waqt, dan kollu qed isir bi preġudizzju lejn persuna akkużata, għaliex kull darba li Yorgen Fenech ikun ser jidher quddiem il-maġistrata Montebello, peress li qed ikun rifjutat l-bail, ser nibqgħu nisimgħu xi storja sabiħa fil-gazzetti kontra tiegħu!