Simon Busuttil jitlob għar-reżenja tal-president. Tal-blieh.

Newsbook għadu kif tella’ li Simon Busuttil talab għar-reżenja tal-President ta’ Malta George Vella. Din ir-reżenja qed tintalab peress li t-tliet imħallfin sabu l-istat Malti ħati tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Mhux ser nidħol fil-mertu tal-inkjesta. Din qed nitkellem dwarha fi blogs oħra. Biss wieħed jitlob ir-reżenja tal-President jekk b’xi mod George Vella – direttament jew indirettament kellu x’jaqsam ma’ dan il-qtil. George Vella ma kellux x’jaqsam ma’ dan il-qtil la personalment u l-anqas b’xi mod ieħor, mela huwa inutli li tintalab ir-reżenja tiegħu.

Mela qegħdin f’mument fejn l-attenzjoni politika tajba jew ħażina hija ffukata fuq il-Lejber. Meta l-attenzjoni tkun fuq il-Lejber, il-Partit Nazzjonalista dejjem jirnexxilu jagħmel mossa politika u jitfa’ l-attenzjoni u l-kontroversja kollha fuqu. Il-Partit Nazzjonalista qatt ma għandu jingħaqad ma’ dawn il-kampanji medjatiċi kontra l-President, meta hu kien għaddej f’kampanja medjatika tajba ħafna biex jagħmel pressjoni politika fuq il-Gvern ta’ Robert Abela. F’daqqa waħda joħroġ Simon Busuttil jirrepeti dak li qal Salvu Mallia bil-Malti u li ġie imlaħħam minn Kevin Cassar.

Mhux ser nidħol fil-fatt ta’ kif inhu kompost l-istat Malti. Mhux ser ngħid li jekk ikun hemm xi sentenza fil-qorti fejn jinstab li xi mħallef ħa żball jew il-qorti ħadet żball, b’dan l-istess argument għandu jirriżenja l-Prim Mħallef. Biss din turi biss nuqqas ta’ strateġija mill-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista irnexxilu jdawwar il-kanuni mill-ġdid fuqu flok iżommhom iffukati fuq il-Partit Laburista. Dan kollu grazzi għal ta’ Repubblika u l-bella kumpanijia. Verament tal-blieh.

Dak li qed ninnota li f’dawn l-aħħar jiem, qed jissemma sew Simon Busuttil fil-kamp lokali. Ma nagħmlux mod li, la qed jissemma Simon Busuttil, se jkun hemm xi ħadd mill-fazzjoni ta’ Busuttil li qed jitħajjar li jerġa’ jressaq lil Simon Busuttil fix-xena politika nazzjonali? Hu fatt magħruf li Newsbook tirrappreżenta l-fazzjoni ta’ Busuttil aktar milli il-fazzjoni tal-PN.

Jekk jiġri hekk, dan ikun it-tieni ritorn tiegħu fil-politika Maltija. L-ewwel irriżenja kien wara li spiċċa minn kap. Busuttil kien għamel numru ta’ ġimgħat nieqes mid-Dar Ċentrali, biss żamm postu fil-Parlament. Imbagħad beda jitkellem mill-ġdid qiesu kien għadu l-kap tal-partit. Sfortunatament ħoloq sitwazzjoni xejn sabiħa fl-istess parlament u fil-grupp parlamentari. Imbagħad kif ġiet l-okkażżjoni mar l-Ewropa imma issa jidher li jrid jerġgħa jaħseb biex jirritorna fix-xena lokali.

Ħafna huma dawk li qed jara f’dawn il-mossi politiċi u f’din l-imġieba ta’ Busuttil dan l-interess tiegħu li jerġa jidħol fil-politika lokali.Il-problema li għandu llum Busuttil hija, li tħobb jew tobgħodu, Bernard Grech qed isaħħaħ il-pożizzjoni interna fil-Partit Nazzjonalista. Ir-riżultat għall-Partit Nazzjonalista ser ikun li l-fazzjonijiet fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jkomplu jikbru.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *