Glenn Bedingfield u l-futur tal-ġurnalizmu f’Malta wara r-rapport tal-imħallfin

Blog post minn osservatur politiku

Glenn Bedingfield jistqarr ma’ ġurnalist tat-Times li hu ma lagħab ebda rwol biex jiffaċilita l-qtil ta’ ħadd, b’referenza għal dak li ħareġ mir-rapport tat-tliet imħallfin. Għalkemm jgħid li hu ma kellux x’jaqsam mal-blog ‘Taste Your Own Medicine’, jikkonferma li meta kien jaħdem fis-segretarjat ta’ Joseph Muscat, huwa kien għamel il-blog tiegħu u fil-fatt ħa l-patroċinju tiegħu quddiem l-Imħallfin. F’dak l-istess żmien, flimkien ma l-Avukat Luke Dalli, kien jippreżenta programm televiżiv fuq One TV bl-isem ‘Ta’ Tagħna t-Tnejn’. Huwa jammetti wkoll li kienu jirreferu għal Daphne Caruana Galizia bħala ‘el fava’, terminu dispreġġattiv b’konnotazzjonijiet sesswali li rrendiha spiss oġġett ta’ stmerrija u kundanna.

Fid-difiża tiegħu għal għemilu, Bedingfield qal li kien hemm 588 persuna differenti li ġew attakkati minn Daphne, fosthom kienet tattakka bla ħniena kwalunkwe persuna konnessa mal-Partit Laburista. Huwa sostna illi d-dritt tal-libertà tal-kelma kien japplika għal kulħadd u mhux għal persuna partikulari biss. Huwa kien jikteb bi stil li jindika li għal kull kitba ikun hemm risposta ugwali jew reazzjoni opposta. Jindika li l-kitba ta’ Daphne kienet aggressiva u tweġġa’. Biss ta’ min jistaqsi lil Glenn, il-kitba ta’ Bedingfield kif kienet? Kien joqgħod lura mit-tgħajjir lejn Daphne?

Bedingfield żbalja quddiem l-Imħallfin meta qal li l-blog ta’ Daphne u tiegħu kienu fuq l-istess livell. Kulħadd jaf li Daphne kienet mara waħedha tlaħħaq ma kollox hi. Imma Bedingfield irid iżomm f’moħħu li hu kellu l-magna ta’ Kastilja warajh, kellu l-media tal-Partit Laburista għad-dispożizzjoni tiegħu. Fil-fatt ir-rapport jgħid li: “Hi x’inhi, dana juri s-saħħa finanzjarja, influwenza u poter li kellu l-Gvern li kollha kienu disponibbli għalih (għal Kurt Farrugia) u għall-Onorevoli Bedingfield biex jikkuntrastaw lis-Sinjura Caruana Galizia.” Jiġifieri hu kellu dak kollu li kellu bżonn warajh. Bedingfield kellu l-possibilita viżiva għax bħal ma nkiteb fir-rapport “Meta ried is-Sur Bedingfield seta’ jmur quddiem it-television u jxandar l-opinjonijiet tiegħu mal-erbat irjieħ”. Mela hemm differenza kbira.

Xi ħaġa li ma jistax jaħrab minnha Glenn Bedingfield hija, li l-attakki tiegħu fuq Daphne ma għinux. It-tgħajjir lejn Daphne pinġieha bħala bniedma maliżjuża. Verament kienet, biss li tgħajjar ma tgħinx. Il-kitba tal-artikli fil-blog kienu kollha attakki fuq Daphne bħala persuna u fuq il-kitbiet tagħha biex jipprova jnaqqas l-effett li kien qed ikollhom fuq il-poplu Malti u Għawdxi jew inkellha kif qal hu jikkuntrastja l-kitba kattiva tagħha. Biss wieħed irid jammetti li kienet ukoll tippubblika artikli investigattiv li l-blog l-ieħor kien nieqes minnu.

X’kien ir-riżultat? Is-Sinjura Caruana Galizia kienet qed tiġi segwita kull fejn tmur, bir-ritratti tagħha jiġu uploaded fuq Facebook flimkien ma’ kummenti dispreġġjattivi, kif ukoll fuq il-blog ta’ Glenn Bedingfield u oħrajn. Dan hu ħażin, għaliex ħażin ma jitpattix b’ħażin ieħor.

Naħseb din hija t-tagħlima li għandha nieħdu minn dan kollu. Jekk xi ħadd qed jagħmel kampanja biex ikisser ir-reputazzjoni ta’ xi ħadd, mhux bil-fors li wieħed għandu jaddotta l-istess strateġija. Kien żball li wieħed jikkrea spazju biex jiġu attakkati u forsi wkoll redikolati persuni. F’dan il-kuntest, il-kumment li Bedingfield għadda mal-ġurnalista kien li hu se jagħmel ħiltu kollha biex ikun konċiljattiv u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li ngħataw fir-rapport speċjalment dawk dwar il-ġurnaliżmu. Li tħares ‘il quddiem huwa tajjeb.

J’Alla jkollna ġurnaliżmu aktar sensittiv u aktar serju f’pajjiżna milli kellna qabel. Biss niddubita kemm dan ser iseħħ.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *