Messaġġ tiegħi lil Peter Agius

Għaddiet aktar minn ġimgħa minn meta l-Partit Nazzjonalista ħabbar li Peter Agius inħatar kelliem ewlieni tiegħu. Agius huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Huwa jgħix Brussel u jinżel Malta regolarment. Possibbli se jkollu ċ-ċans li jagħmel dan ix-xogħol li jirrikjedi ħafna ħin u impenn?

F’dan ir-rigward ma kienx ikun aħjar li kieku nstab persuna li jkun dejjem f’pajjiżna ħalli jkun totalment iffukat fuq dan it-tixrid tal-informazzjoni? Dan qed ngħidu mingħajr ma nnaqqas xejn mil-kapaċita’ li joffri Dr Agius. Hija xi ħaġa magħrufa ma’ kulħadd li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista mhux qed jasal.

Illum il-medja tal-Partit tasal biss għand numru limitat tal-elettorat li aktarx huma nies konvertiti. Mela hemm għandek problema kbira. Imma aktar agħar li kull messaġġ li qed joħroġ il-Partit Nazzjonalista, qed ikun il-ħames jew is-sitt news item fuq l-aħbarijet nazzjonali. Dan ifisser li l-ideat jew il-messaġġi tal-partit mhux qed ikunu b’saħħithom biżżejjed biex jakkwistaw il-post mixtieq mill-partitarji tal-partit u l-poplu inġenerali. Huwa rari li tara xi messaġġ tal-Partit Nazzjonalista fuq il-faċċata ta’ xi ġurnal jekk mhux tal-medja tal-Partit stess.

Dr Agius, fl-intervista tiegħu lill-gazzetta Illum il-Ħadd li għadda, qal li hu jixtieq jara li l-medja tal-Partit tirrifletti iżjed l-għajta tan-nies. Mela b’mod awtomatiku qed jammetti li bħalissa ma hemmx l-għajta tan-nies u din tirriżulta bħala waħda mir-raġunijiet li l-Partit Nazzjonalista jidher li hu maqtugħ min-nies. Peter Agius qed jipprova jbenġel is-sitwazzjoni mhux tant sabiħa tal-partit tiegħu billi jsemmi ħafna sitwazzjonijiet u raġunijiet għaliex il-Partit Nazzjonalista hu maqtugħ min-nies.

Fl-opinjoni tiegħi qed ikun inutli li kull min jersaq lejn il-partit, għal xi pożizzjoni għolja, jipprova jserraħ rasu li hemm diversi raġunijiet għaliex qed jiġri dan u jipprova jew jittama li jsolvi din id-diversita’. Imma ħadd minn dawn in-nies għadu ma ħares lejn il-problemi prinċipali. Issa nafu li jekk ma tammettix li għandek problema ma tista’ qatt issolviha. Kif jista’ l-Partit Nazzjonalista jattira votanti lejh meta fuq fomm kulħadd hemm iċ-ċertezza li l-Partit Nazzjonalista huwa maqsum f’diversi fazzjonijiet, huwa mfarrak bi ġlied qawwi intern u hemm opinjonijet tant diversi li wieħed jistaqsi, kif tista’ ġġib flimkien din id-diversita kollha?

Eżempju ċar ħadnieh fl-aħħar ġranet. Dr Bernard Grech jgħid lin-Nazzjonalisti, “jien se nkun hemm”. Jiġifieri jien sejjer ningħaqad ma’ Manuel Delia quddiem Kastilja. L-għada dan Manuel Delia jinsinwa affarijiet mhux minnhom fuq Adrian Delia u mbagħad ġie mgiddeb minn Adrian Delia nnifsu. Fil-fatt dan id-deputat kellu raġun għax il-partit caħad lil Manuel Delia u kliemu. Mela qabel ma l-Partit Nazzjonalista jiddeċiedi li jirranġa daru, jirranġa il-kemistrija bejn ir-residenti tal-istess dar, jirranġa l-kontenut tad-dar tiegħu, jdaħħal fid-dar imħuħ friski u mingħajr għanqbut, jikkonvinċi lil niesu li jekk mhux se jiġbdu ħabel wieħed se jkun hemm riżultati koroh ħafna, jkun kollu jnutli li tipprova taħdem barra minn darek.

Fl-opinjoni tiegħi Dr Agius irid iwassal żewġ messaġġi kardinali.

L-ewwel jgħarraf lill-poplu kollu x’inhi s-sitwazzjoni llum. Kull darba li jippruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel, kull darba li jippruvaw ibenġlu li ma hemmx inkwiet u diviżżjoni, kull darba li jippruvaw jikkonvinċu li mid-dar tagħhom ħierġa vuċi waħda, il-messaġġ se jibqa’ jew ma jasalx jew ħadd ma jagħti kasu jew qed ikun il-bogħod mill-verita’. Il-votant ma għadux ċuċ. Għadda dak iż-żmien li tbellagħlu li trid. Spiċċa d-dettar tal-partiti. Il-poplu sar jisma’, sar jifhem, sar jixtarr u sar jiżen. Mela l-partiti jridu jkunu sinċiera. U din is-sinċerita għadha nieqsa fil-Partit Nazzjonalista.

It-tieni messaġġ irid juri trasparenza tal-ħsieb. Jista’ l-Partit Nazzjonalista ma jkunx ċar fuq min qed jiddetta l-aġenda? Jista’ l-partit jibqa’ b’mażra ma’ għonqu billi jħalli daqstant saħħa lis-Soċjeta Ċivili u min jirrappreżentha? Jista’ jħalli lil dawn ir-rappreżentanti tas-Soċjeta Ċivili jagħmlulu aktar ħsara? Jista’ jifhem darba għal dejjem li kull meta jiftħu ħalqhom dawn in-nies, l-uniku ħsara li qed issir hija lil-Partit Nazzjonalista?

F’dawn l-aħħar jiem il-partit avvanza biċċa żgħira fuq din il-problema, meta ddissoċċja ruħu minn dak li qal Manuel Delia. Biss jekk irid ikompli t-triq tal-fejqan tiegħu jrid jagħmilha ċara li bħala partit qed jinfatam minn dawn in-nies, li tajbin biex iparlaw u jiddimonstraw, imma għalkemm Nazzjonalisti mhux qed jagħtu każ li mhux jgħinu lill-Partit Nazzjonalista.

L-ewwel naddaf ġewwa Dr Peter Agius, imbagħad oħroġ barra. Inkella messaġġ maħmuġ u mtappan se jibqa’ jasal.

One comment

Leave a Reply