Joseph Muscat jitwarrab fil-Partit Laburista

Advertisements

Jidher ċar li l-istrateġija tal-Partit Laburista bħalissa hija dik li jitwarrab kemm jista’ jkun Joseph Muscat. Dan qed joħroġ mill-mod kif deputati tal-Partit Laburista qed jirrispondi mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar Muscat innifsu. Qed jipprovaw jevitaw li jwieġbu dwaru. Jidher ċar li hemm direzzjoni dwar dan.

Jien kont wieħed li kkritikajt bil-kbir it-tmexxija ta’ Joseph Muscat meta ħafna minn dawk li llum kienu qed jikkritikawh kienu qed igawdu flus kbar taħt il-gvern tiegħu u b’hekk kienu jiddefenduh. Ma jiddispjaċini xejn mill-kritika li għamilt kontra l-gvern tal-Lejber u kont niktibha fuq il-Malta Independent għaliex dak li kont ngħid seħħ politikament. Joseph Muscat waqa’ u waqa’ waħda kbira. Ġralu bħal Kristu meta arrestawh. Sħabu kollha ħarbu.

B’hekk apprezzajt ħafna l-pożizzjoni li ħa Silvio Parnis. Kien wieħed mid-deputati – naħseb l-uniku – li ma staħax jgħid li hu favur Jospeh Muscat. Sew għamel. Jien għaddejt minn esperjenza simili. Jien kont naħdem ma’ Fr. Peter Serracino Inglott. Meta miet, bdew jinbidlu l-affarijiet. Kien jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista ma kienx ser jerġa jerbaħ l-elezzjoni. Issa ħafna minn dawk li kienu miegħu, wara mewtu, bdew jgħidu kontrih ħa jidhru sbieħ mal-mexxejja l-ġodda!

Qed ngħid dan biex nispjega, anki jekk politikament ma naqbilx ma’ Silvio Parnis, għala apprezzajt il-pożizzjoni li ħa. U Silvio Parnis kellu raġun, għaliex il-bażi Laburista għadha tħobbu lil Joseph Muscat. Ma għandix dubju, li Silvio Parnis ma qalx dak li qal biex jogħġob lill- bażi laburista. Issa Silvio Parnis ħiereġ mill-politika. Qalu għax verament jemmen hekk.

Fuq kollox, bħal issa hemm ħafna kurrenti għaddejjin fil-Partit Laburista. Jekk wieħed jaħseb li l-PN biss hu maqsum qed jgħarralu. Anki fil-Lejber hemm ix-xquq u jekk mhux ser joqgħodu attenti, il-Partit Laburista ser jispiċċa fl-istess sitwazzjoni – jekk mhux agħar – milli hu l-Partit Nazzjonalista. Il-kurrenti kollha hemm qegħdin. Jekk xejn din il-pressjoni li qed issir bħalissa qed toħroġ dawn il-kurrenti fil-beraħ.

Ma għandix dubju li llum Joseph Muscat jaf li kien hemm min politikament lagħbu. Forsi min kienu dawn li lagħbuh jgħidha xi darba fil-memoirs tiegħu – biss niddubita kemm jasal biex jagħmilha. Għax naħseb li l-vera storja ser tinżel fil-qabar miegħu – anki jekk minn hawn nawguralu ħajja twila.