Evarist Bartolo dwar Joe Bannister u Konrad Mizzi

Advertisements

Blog post minn osservatur politiku

Il-bieraħ, is-Sur Varist Bartolo tella’ post fuq Facebook biex jiddefendi lilu nnifsu u lill-gvern minħabba l-Panama Papers. Hu qalilna li qabel il-Panama Papers kien hemm stejjer simili u semma lill-Professur Joe Bannister li fl-2012 kien inqabad li kellu kumpaniji f’Cayman Islands u l-gvern ta’ Gonzi kien iddefendih.

Imbagħad is-Sur Varist Bartolo għadda biex qalilna x’għamel hu kemm kiteb fuq Facebook biex jagħti s-sehem ċkejken tiegħu wara li kien inkixef l-iskandlu tal-Panama.

Biss dak li ma qalx kien li hu naqas bil-kbir. Hu kien wieħed minn dawk li għannaq miegħu, permezz tal-vot, lil Konrad Mizzi, li kellu kont il-Panama u li fetħu meta kien ministru bħalu. Hu għad jikkritika lil Joe Bannister imma kif ammetta Varistu Bartolo nnifsu, Bannister kompla anki taħt it-tmexxija ta’ Muscat.

Ara jien għandi dritt nikkritikah. Int ma għandekx. Ma tistgħax tikkritika lil wieħed u tivvota favur ieħor. It-tnejn żbaljaw u allura t-tnejn jixirqilhom kritika qawwija. Inutli tlibbes ir-raġġiera lil wieħed u l-ieħor tħallih b’xejn.

Naqsu t-tnejn, mela barra t-tnejn. Il-ġustizzja trid issir imma aktar importanti li tidher li qed issir ma’ kulħadd. Kemm tgħidha tajjeb meta tlissen jew tikteb li ma għandux ikun hemm liġi għall-allat u liġi oħra għall-annimali. Meta tqis dawn iż-żewġ personaġġi msemmija, min hu l-alla u min hu l-annimal?

Int għidt ukoll li kkritkajt u wrejt li ma qbiltx mad-deċiżżjoni li Bannister jinżamm mill-Gvern. Kif tista’ imbagħad tħalli hemm Ministru tal-Gvern li jkun qed jibgħat messaġġ ħafna iktar qawwi, għax hemm il-barka politika tas-superjuri politiċi tiegħu u ta’ sħabu. Għalkemm tlabt, ma kontx konvinċenti biżżejjed.

Li kieku ridt turi u tevita, kif għidt int, ħafna għawġ, missek kont raġel biżżejjed u tgħid, jien ma’ dawn in-nies ma naħdimx. Jien ma nistgħax inpoġġi fuq l-għola mejda tal-poter ma’ min qed jikser il-liġi sfaċċatament. Issa qed tgħid li tkellimt. Mela ma tawkx widen. Kieku ridt turi prinċipji sodi missek, missek irreżenjajt. Int għidt, u għidt tajjeb:

li ma jistax ikollok Partit Laburista li daħħal it-taxxi f’pajjiżna biex jagħmel il-ġustizzja soċjali u jdaħħal is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni u s-saħħa b’fondi pubbliċi biex jilħaq lil kulħadd, li jippermetti li jkollu min jaħrab il-ġustizzja fiskali u jiftaħ kontijiet moħbija f’pajjiżi oħra li joffru kenn lil dawk li ma jkunux iridu jħallsu t-taxxi dovuti”.

Int għidt ukoll li għamilt pressjoni biex ikun hemm ir-riżenji. Int għidt ukoll li kien hemm riżenji mill-Partit Laburista kemm ilu fil-gvern. Taf x’ma għidtilniex hawnhekk, min huma dawn u prova li kont int li kkonvinċejt biex jirreżenjaw. Int qed tgħid stat ta’ fatt u aħna qed nitolbuk l-ismijiet ta’ dawk li ġew ippressati biex jirreżenjaw.

Tajjeb li wieħed ikun jaf il-fatti. Għidtilna li tajt is-sehem ċkejken tiegħek biex jiġu attwati r-riżenji minn Jannar 2020 ‘l hawn. Għaliex mhux qabel? Jista’ jkun li ma’ Joseph Muscat ma kellekx sehem importanti fil-kabinett? Ma naħsibx. Jista’ jkun li verament kien hemm il-kitchen cabinet u int ma kontx parti minnu? L-anqas hawn ma naħsibx. Veru li kien hemm tip ta’ dittatura meta Joseph Muscat kien Prim Ministru?

Fl-aħħar għidtilna li lest tkompli tagħti s-sehem ċkejken tiegħek biex isir it-tibdil meħtieġ.

Min jaf kieku tiddistanzja ruħek pubblikament minn dawk li kissru pajjiżna u terġa’ titlob biex dak li għadu deputat, jiġi mġiegħel jirreżenja, mhux qiegħed hemm għall-onorarja biss. Inutli toqgħod tgħid li tixtieq tkompli tagħti s-sehem ckejken tiegħek biex ikompli jsir it-tibdil meħtieġ.

Le, ma nistgħux nafdaw lilkom biex jitwettqu ir-rakkomandazzjonijiet mitluba mit-tliet imħallfin. Diġa’ tagħtuna prova li ma kontux kapaċi taslu. Ma tistgħux, la int u lanqas sħabek, taħdmu b’mod onest u serju u bla preferenzi fis-soċjeta’ tagħna. Irridu iżjed mis-serjeta’ tiegħek u ta’ sħabek, Ministru. Jekk tiddeċidu li twettqu dawn ir-rakkomandazzjonijiet intom, nibża’ li jkollna more of the same, u nibqgħu fejn aħna. Lil min tafu tistaqsix għalih u tħallihx jerġa’ jgħaddik biż-żmien.

Thanks, but no thanks.