Bdiet il-logħba chess: mozzjoni ta’ sfiduċja kontra Edward Zammit Lewis

U hekk hu. Bdiet il-logħba chess. Movimenti biex jippruvaw jibdew inaqqru mill-kabinett ta’ Robert Abela. Il-Partit Nazzjonalista lagħab l-ewwel mossa tiegħu. Se jipprova jiekol wieħed miż-żwiemel li qiegħdin fuq quddiem fil-lista ta’ Robert Abela.

Il-Partit Nazzjonalista se jressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Edward Zammit Lewis. Mal-ftuħ tal-ġimgħa, jiġifieri llum, se jmur għand Dr. Anglu Farrugia biex jitolbu jlaqqa’ b’urġenża il-Parlament biex jiddiskutu din il-mozzjoni. Din il-mossa qed tintlagħab wara li The Sunday Times svelat il-bieraħ li kienu għaddejjin chats bejn Yorgen Fenech u l-istess Ministru Zammit Lewis. Il-Partit Nazzjonalista qed jgħid hekk fil-post tiegħu:

“Wara li llum il-ġurnal The Sunday Times żvelat li l-Ministru Edward Zammit Lewis kien qed jikkonfoffa ma’ Yorgen Fenech waqt li kien qed jagħmel kampanja kontra l-ġustizzja, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ser ikun qed jikteb lill-ispeaker tal-kamra tad-deputati sabiex ilaqqa’ l-Parlament b’urġenza biex jiddiskuti mozzjoni Parlamentari ta’ sfiduċja kontra l-istess Ministru tal-Ġustizzja Zammit Lewis, li ser titressaq mill-Oppozizzjoni Nazzjonalista għada. Minflok ma Edward Zammit Lewis appoġġja l-isforzi tal-eks-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex tkun żgurata investigazzjoni dwar il-kumpanija ta’ korruzzjoni ta’ Fenech, 17 Black, Zammit Lewis daħak bih u ddeskrivieh bħala “theddida għas-saltna tad-dritt” filwaqt li bagħat messaġġi sigrieti lil Fenech biex ifittex l-approvazzjoni tiegħu. Huwa qal ukoll lil Yorgen Fenech li l-votanti Laburisti huma “ġaħan” u li ma jfittxux il-kompetenza politika iżda “tfal u pożi”. Bħal Robert Abela, Edward Zammit Lewis huwa politiku li filwaqt li jippreżenta lilu nnifsu bħala l-wiċċ tar-riforma, fir-realtà, huwa wieħed mill-persuni responsabbli għall-ambjent ta’ impunitá li nħolqot mill-iStat u li wassal għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum. Il-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalists se tkun l-ewwel test għall-grupp parlamentari tal-Labour biex juru bil-fatti li tgħallmu l-lezzjoni tagħhom u li verament lesti jaħdmu fl-interess nazzjonali. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jittama li Robert Abela u d-deputati tiegħu jivvutaw favur din il-mozzjoni, sabiex jingħaqdu mal-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex jibda jitnaddaf isem pajjiżna u fost l-oħrajn nerġgħu insibu ruħna fuq il-lista l-bajda tal-FATF mill-aktar fis possibbli.”

Min-naħa tagħha, il-media ser tippreżenta dawn l-affarijiet bħala affarijiet inkwetanti. Fuq din il-premessa, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob ir-riżenja tal-Ministru Zammit Lewis. Nixtieq infakkar li dan hu t-tieni attentat biex Edward Zammit Lewis jirreżenja. Partijiet minn dawn iċ-chats ġa ħarġu u kien hemm pressjoni simili. Ġa kien sar attentat ieħor fil-passat.

Fuq kollox, f’din is-silta ma hemm imkien indikat, jekk dak li qed jgħidu li għamel il-ministru kienx qabel mal-poplu Malti u Għawdxi sar jaf li Yorgen Fenech kien is-sid ta’ 17Black jew le, anki jekk għalija ma tagħmel l-ebda differenza. Qed ngħid dan, għaliex il-Partit Nazzjonalista wża dan l-argument meta ħareġ li kien hemm relazzjoni bejn Jason Azzopardi u Yorgen Fenech.

Infakkar li dawn iċ-chats suppost qegħdin biss għand l-investigaturi, l-avukat ġenerali, il-parte ċivili u l-avukati tad-difiza, barra l-maġistrata. Infakkar li hawn qed nitkellmu fuq chats li kien hemm divjit fuqhom mill-maġistrata Rachel Montebello biex dawn ma jsirux pubbliċi. Il-maġistrata Rachel Montebello kienet sabet lil Jacob Borg ħati meta ppubblika parti miċ-chats imma ma qegħditux taħt disprezz tal-qorti kif għamlet darbtejn kontra tiegħi fuq rikjesta ta’ Jason Azzopardi u Philip Galea Farrugia.

Imbagħad hemm it-tieni premessa fejn fiha qed jingħad li Zammit Lewis għajjar lil-Laburisti ‘ġaħan’ u ‘tfal u pożi’. Din hija stqarrija privata li ma għandix x’taqsam max-xogħol tiegħu tal-ministru. Ħadd ma jagħmel mozzjoni ta’ sfiduċja f’ministru għax jgħid li l-Maltin Gaħan. Ħadd ma għamel mozzjoni ta’ sfiduċja kontra ministru li qal li ma jridx Gaħan Malti jmexxi l-AirMalta. Il-konsegwenzi huma biss politiċi.

Il-problema li hemm fir-rigward ta’ Zammit Lewis ġejja mill-fatt li dawn iċ-chats huma privati li support qegħdin għand l-investigaturi u l-uffiċju tal-avukat ġenerali fost l-oħrajn. Nirrepeti li hemm divjit tal-qorti fuq il-pubblikazzjoni tagħhom. Għalhekk ma nifhimx kif din tista issir materja biex jitlaqqa’ b’urġenza l-parlament. Dan hu punt politiku ta’ propaganda u xejn aktar.

Hija l-missjoni tal-Parlament li jiddiskuti chats li hemm divjit fuq il-pubblikazzjonijiet tagħhom? Naħseb hija aktar materja tal-parlament li jiddiskuti l-mod arbitrarju ta’ kif persuni jitqiegħdu taħt disprezz mill-qrati tagħna jew le. Hu materja tal-parlament li jiddiskuti kif chats li qegħdin għand il-pulizija, il-maġistrata u l-avukat ġenerali jispiċċaw f’gazzetta. Infakkar li meta jien ktibt dwar vjaġġ lussuż li kien għamel Jason Azzopardi, dan qal li l-informazzjoni li ppubblikajt jien dwaru kienet ta’ natura privata u mar għand il-Kummissarju tad-Data biex jieħu passi kontra tiegħi u dan ġegħlni nneħħi l-artiklu. F’daqqa waħda kemm jinbiddlu l-affarijiet! Verament f’dan il-pajjiż hawn liġijiet għall-allat u oħrajn għall-annimali.

Fil-verita’, wara din il-mozzjoni hemm logħba kerha. Hemm persuni fil-Partit Laburista li jridu jeħilsu minn Zammit Lewis għax hu ta’ Joseph Muscat. Biss kontra Zammit Lewis hemm anki persuni fl-uffiċju tal-Avukat tar-Repubblika. Hemm membri fil-ġudikatura li jridu jeħilsu minnhu.

Jekk taħsbu li din il-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista waqgħet mis-sema, insuha. Jekk taħsbu li dan l-artiklu f’The Sunday Times sar għaliex hemm xi interess fid-demokrazija jew fir-rule of law, insewh. Hemm wisq movimenti ta’ chess għaddejjin bħalissa f’din il-logħba li qed tintlagħab. Issa jgħodd kif il-Ministru tal-Ġustizzja ser iġib ruħu. Kif ser jilgħab il-mossa tiegħu. Jew jagħmel mossa u jagħmel checkmate lil dawn kollha. Jew inkellha jħallihom jilgħabu l-mossi tagħhom u joqtluh. L-għażla f’idejh.

One comment

Leave a Reply