Manuel Delia jammetti li qed ikompli jnaqqas mill-popolarita’

Tajjeb li wieħed jerġa’ jħares lejn l-intervista li kien ta Manuel Delia lil Jon Mallia fuq il-podcast tiegħu tal-Lovin Malta. Waqt li kien qed jistaqsi l-mistoqsijiet, Mallia għamel qisu statement u wara staqsa lil Manuel Delia biex jirreaġixxi. Mela Mallia staqsa hekk:

Inti parti mill-NGO Repubblika li l-għan tagħha huwa li jkollna governanza diċenti u li jkun hawn tnaqqis tal-korruzzjoni. Pero qisu il-proġett, meta niġu għall-popolarita’, qiegħed ifalli. Għalfejn taħseb li qed ifalli? Intom x’tistgħu tagħmlu aħjar? X’minthomx tagħmlu?

Apparti li Manuel Delia qallu, li kieku jafu x’iridu jagħmlu aħjar kieku jagħmluh, imma ħa qisu għoxrin minuta jitkellem mingħajr eżattament ma’ ta risposta għal dik il-mistoqsija. Tkellem fuq ħafna affarijiet u semma minn kollox imma risposta preċiża ma ta qatt.

Biss irridu nikkonsidraw ħaġa importanti ħafna. Manuel Delia qatt ma ċaħad li l-proġett Repubblika sejjer lura u qed inaqqas ħafna mill-popolarita’. Din hija xi ħaġa li nistgħu anke narawha waqt li hi għaddejja l-kampanja ta’ bħal issa. Manuel Delia ma tantx jattira popolarita’. Hu stess jammetti li lanqas jekk joħroġ għall-kumitat tal-klabb tal-boċċi l-Qrendi ma jitla’. Jiġifieri jammetti hu stess li ma jiġbidx simpatija. Il-ħmerija hi li dan ir-raġel, li għalkemm jgħid li qata’ mill-politika, xorta jibqa’ mċappas ma’ Austin Gatt u allura man-Nazzjonalisti.

Huwa għalhekk li jien nikkritika ħafna lil Bernard Grech u nopponi l-fatt li b’li kien qed jagħmel, il-Partit Nazzjonalist kien qed ikompli juri ħeġġa li jingħaqad magħhom. Jidher li issa Dr. Grech beda jdaħħalha f’rasu li jekk kien se jibqa’ jwebbes rasu li jappoġġjhom, kien se jibqa’ jibgħat dan il-messaġġ ikrah u li ma kien qed jagħmel l-ebda ġid lill-Partit Nazzjonalista. Anzi kien qed juri li l-Partit Nazzjonalista kien maħkum minnhom.

Dr Grech jidher li beda jirrealizza li dawn il-gruppi partikulari tas-soċjeta ċivili, għamlu wisq ħsara lill-Partit Nazzjonalista. Dawn kważi qasmu lill-partit. Dawn ħolqu l-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista. Mela jekk Dr Grech ma tridx tidħol fil-lista ta’ dawk in-nies li huma antipatiċi, bħal ma jammetti wieħed mill-kbarat tas-soċjeta ċivili, għandu jitbiegħed minnhom. Jidher li ser jaqbad din it-triq.

Il-parir tiegħi hu dan. Ħallihom jaħdmu għal rashom. Ħallihom jgħaffġu waħedhom. Għandek biżżejjed lil min tindirizza biex tressaq nies lura lejn il-partit. Dawn jafu jżidu l-firda li diġa’ qed tagħmel ħafna ħsara fin-numri tas-sostensituri tal-partit. Tkomplix tissikka l-mażra ma’ għonqok.

Manuel Delia moħħu biss biex ikun prima donna.

One comment

Leave a Reply