Manuel Delia irnexxilu jdawwar il-kanuni fuq il-Partit Nazzjonalista

Blog post minn osservatur politiku

Irid ikun Manuel Delia biex idawwar inkjesta li kkundannat lill-Gvern Laburista bl-iżjed mod qawwi u minflok jitfa’ spot light fuq il-Partit Nazzjonalista. Imbagħad xi ħadd irid jemmen li Manuel Delia huwa kontra l-Partit Laburista u favur il-Partit Nazzjonalista. Dan l-istess bniedem li kien jgħajjar lil Adrian Delia ‘Trojan Horse’, meta issa hu ċar min qed jaħdem biex jgħin lill-gvern u jċanfar lill-Oppożizzjoni.

Xi tfisser eżattament din il-frażi ‘Trojan horse’. Meta tuża il-frażi żiemel ta’ Trojja tkun qed tfisser li xi ħadd, għalkemm jidher li hu tajjeb u ta’ għajnuna, ma jkun xejn ħlief xi ħadd li jkun qiegħed hemm biex jagħmel il-ħsara jew jeqred lil xi ħadd fil-futur. Nixtieqkom taraw minn hu verament iż-żiemel ta’ Trojja bejn Adrian Delia u Manuel Delia.

Kienet f’waqta u ammirevoli l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista li rrifjutat il-ħażen ta’ Manuel Delia. Il-Partit Nazzjonalista spjega li mkien fir-rapport tal-inkjesta ma’ ntefa’ dell fuq Adrian Delia jew fuq il-Partit Nazzjonalista. Taqra fejn taqra fir-rapport ma ssib ebda tebgħa fuq il-Partit Nazzjonalista jew xi rappreżentant tiegħu. Għalhekk huwa ta’ kattiverja enormi meta taqra xi ħaġa, minn bniedem li kien kandidat tal-Partit Nazzjonalista stess u li suppost juri li għadu nazzjonalist, u jikteb xi ħaġa bħal din li kull ma tagħmel huwa li tipprova tiskredita deputat tal-partit u anke kandidat għall-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Huwa inkredibbli kif wieħed li suppost qed imexxi għaqda tas-soċjeta ċivili biex jikxef għawwar il-Gvern, jieħu l-okkażżjoni, fejn il-gvern suppost qiegħed taħt l-ilma, u jattakka minflok lill-Partit fl-Oppożizzjoni. Imma dan kollu juri l-aġenda maħmuġa ta’ Manuel Delia li f’mument bħal dan, meta Malta kollha suppost qed tifhem il-korruzzjoni tal-Gvern Laburista, jiġi dan il-bravu u jaqleb in-narrattiva kontra l-Partit Nazzjonalista.

Illum il-Partit Nazzjonalista għamel l-ewwel pass ċkejken lejn fejqan. Nispera wkoll, li llum li l-Partit Nazzjonalista li ċaħad lil Manuel Delia, jibqa’ jfittex u jwarrab aktar nies li qed jippriedkaw id-diviżżjoni flok l-għaqda. Manuel Delia huwa wieħed mill-perċimess ta’ dan. Fadal iżjed li qed ixandru d-diviżżjoni. Ftit eżami tal-kuxjenza mill-Partit Nazzjonalista jagħmel tajjeb ħafna biex jirnexxielu jidentifika aktar minn dawn is-sangisugi.

Ma jistax ikun li l-Partit Nazzjonalista jħalli aktar nies fi ħdanu li kull ma qed jagħmlu huwa li joħolqu u jqegħdu bsaten fir-roti biex flok jgħinu fil-mixja ‘l quddiem jgħaġġnu l-firda.

Chris Peregin ukoll qal li Adrian Delia huwa ta’ ġid kbir għal-Partit u se jkun pedina tajba għall-għaqda fil-partit. Allura importanti li l-Partit jara min huma dawk li qed jgħinu fl-għaqda u jkompli jiddistanzja ruħu minn dawk li jonoraw id-diviżżjoni.

Illum il-Partit Nazzjonalista għamel pass tajjeb għax ĊAĦAD lil Manuel Delia. Nisperaw li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ għaddej b’dan ir-ritmu. L-Ingliż jgħid ‘with friends like this who needs enemies’.

Leave a Reply

Your email address will not be published.