Il-politiċi ma jistgħux ikunu dawk li jwettqu dawn ir-rakkommandazzjonijiet tat-tliet imħallfin
Blog post minn osservatur politiku
Lawrence Gonzi għamel id-dikjarazzjoni tiegħu wara li ħareġ ir-rapport tal-Inkjesta dwar Daphne Caruana Galizia. Dr Gonzi qed iħeġġeġ lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex ma jgħaġġlux. Jaħsbu qabel jiddeċiedu. Jifhmu s-sitwazzjoni u jitgħallmu l-lezzjonijiet kollha li qed tagħtina s-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Huwa kompla jikteb li żgur li ma hemmx għalfejn nagħmlu ħafna ħoss u frattarija, imma issa li ħarġet il-verita’ rridu bil-fors naraw u niffukaw fuq dak li għandu bżonn isir għall-għażiża Malta tagħna.
Apparti li rringrażżja lill-familja tad-determinazzjoni u l-kuraġġ tagħhom. Apparti li sellem lit-tliet imħallfin għax-xogħol kbir tagħhom, huwa saħaq li huwa importanti li niftakru li permezz tagħhom feġġ xaqq ta’ dawl u ta’ tama li s-sistema ġudizzjarja tista’ tqum għall-okkazzjoni u terġa’ tieħu r-rigni f’idejha. Bħala pajjiż hemm bżonn li nagħmlu ħilitna biex wara li rajna l-istituzzjonijiet imajnaw u kważi jħallu lilhom infushom jitmermru, inqumu mill-apatija li ħakkmitna u nħarsu ‘l quddiem b’kuraġġ għax reġgħet feġġgħet il-verita’.
Dr Gonzi jibgħat messaġġ qawwi dwar ir-rakkomandazzjonijiet li fih ir-rapport. Qed jgħid li kulħadd jidher li qed jaqbel li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu mplimentati tajjeb, u tajjeb ħafna, u kemm jista’ jkun malajr. Huwa għalhekk li ressaq il-fehma tiegħu u hawn se nagħtih l-appoġġ tiegħi.
Naqbel miegħu u ma nħossx li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jitħallew f’idejn il-politiċi. Għax isibu posthom fuq il-pultruni tal-Parlament ma jfissirx li għandhom ikunu huma li jwettqu dawn it-tibdiliet neċessarji.
Bir-rispett kollu lejhom dawn ma jistgħux ikunu n-nies idonei għal dan ix-xogħol. Grupp minnhom ġew direttament jew indirettament imċappsa f’dan ir-rapport, filwaqt li l-grupp l-ieħor ippruvaw, għax hekk tgħidlek il-loġika, jaħtfu l-okkazzjoni biex ikiddu lill-avversarji politiċi tagħhom.
Fuq kollox dawn it-tibdiliet neċessarji jistgħu jkunu riżultat ta’ deċiżżjonijiet jew nuqqas ta’ deċiżżjonijiet tal-politiċi. Mela ma jistgħux ikunu l-politiċi li jwettqu dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Naqbel perfettament ma’ Dr Gonzi li din il-biċċa xogħol kbira titħalla f’idejn nies imfattma mill-politika, apolitiċi u kemm jista’ jkun indipendenti. Għandhom ikunu nies li huma mbegħdin mil-irbiet politiku, kemm reali kif ukoll dak perċepit. Għandna Maltin u Għawdxin kompetenti li jekk jiġu fdati, ikunu kapaċissimi biex jissorveljaw dan il-proċess. Għandhom ikunu dawn in-nies magħżula bir-reqqa li jwettqu dan il-proċess ħalli nagħmlu żgur li pajjiżna jimxi lejn id-direzzjoni t-tajba biex noħorġu minn dan l-impasse li dħalna fih.
Dr Gonzi jkompli jgħid li kollha kemm aħna rridu nifhmu t-traġedja li waqgħet fuqna. Irridu nifhmu li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna ħadet daqqa kerha u tfarrket. Dan kien nuqqas ta’ min ma rax is-sinjali ċari. Ta’ min għażel li ma jaċċettax ir-realta’ li kienet qiegħda quddiem wiċċna. Ta’ min iddeċida li jħares in-naħa l-oħra għaliex ta iżjed importanza lil dak li kien forsi dieħel fil-bwiet ta’ ċertu nies.
U dan kollu ġara għaliex meta ffaċċjati b’deċiżżjonijiet iebsa imma importanti, intlagħbet il-logħob tal-popolarita’ minflok il-logħba tal-korrettezza.
Ma kellux il hila jirranga il Qrati Gonzi uzgur 100% tal PN.