Karol Aquilina u l-abbuż tal-privileġġ parlamentari

Kemm hu sewwa li titkellem bil-privileġġ tal-Kamra tal-Parlament, fejn tkun tista’ tgħid li trid u tgħajjar kemm trid u lil min trid. Inħajjarkom tisimgħu id-diskors ta’ Karol Aquilina, diskors ta’ 8 minuti, fejn ma waqafx juża t-tgħajjir. Kemm hu sewwa li tgħajjar u tkun taf li ħadd ma jista’ jagħmillek xejn. Jekk trid turi li int raġel ta’ unur Dr Aquilina, oħroġ u rrepeti kliemek kollu barra, ħalli jekk ikun hemm xi ħadd li jħossu nġurjat jkun jista’ jieħu l-azzjonijiet neċessarji u naraw ikunx hemm konsegwenzi.

Beda d-diskors tiegħu billi pponta subajh lejn id-deputati tal-Gvern u qalilhom li huma kollha ‘ħatja’. Sa hawn mhux problema. Dawn qegħdin fil-Kamra u jistgħu jiddefendu lilhom infushom. Biss xorta wieħed irid jistaqsi. Ara dawk li daħlu għall-politika wara l-elezzjoni tal-2017 u dawk li ġew co-opted x’għandhom x’jaqsmu. Nispera li dawn id-deputati m’humiex ħatja għax inżertaw membri tal-Gvern meta ġiet assassinata Daphne jew wara? Donnu kien jaf ukoll jekk id-deputati tal-Labour humiex verġni jew le, għax anke dik qalilhom, meta qallhom li ma jistgħux ‘tilagħbuha tal-verġni’. Waħda mir-raġuinijiet mogħtija għaliex huma ħatja kienet għax kienu kontra li ssir inkjesta.

Lil-Konrad Mizzi, Dr Aquilina ndirizzah bħala ‘l-kriminal Konrad Mizzi’ u ‘kriminal ippatentjat’. Qal li dan Mizzi għadu deputat fil-parlament, għalkemm dwaru hemm investigazzjonijiet għaddejjin. F’dan il-każ, Mizzi jista’ jiddefendi ruħu għax qiegħed fil-Parlament. Aquilina kompla jgħid li dan huwa deputat tal-onorarja biss. Imma wieħed jistaqsi, fejn spiċċat, li qabel tinstab ħati għadek meqjuż bħala innoċenti? Possibbli li għandna nindirizzaw lil xi ħadd li għadu mhux misjub ħati b’dan il-mod? M’iniex qed niddefendi lil Konrad Mizzi, imma għax Aquilina ddeċieda li Mizzi huwa korrott, allura jasal għall-konklużżjonijiet tiegħu, qabel jaslu biex jikkundannawh l-awtoritajiet konċernati. Allura skond Aquilina, Konrad Mizzi qed igawdi mill-impunita li ħolqu l-membri tal-Gvern għalihom infushom.

Karol Aquilina kompla billi ndirizza lil Joseph Muscat bħala ‘l-Kap tal-mafia hawn Malta’ u kompla li ‘l-assistent tiegħu Robert Abela li kien il-konsulent tiegħu’. F’dan il-każ, Joseph Muscat ma għadux membru tal-kamra. Biss ma nsibx oġġezzjoni li jkun ikkritikat. Finalment kien prim ministru.

Biss imbagħad, Aquilina għadda biex elenka l-ismijet ta’ nies, imsemmijin fir-rapport fosthom Ian Abdilla li rrefera għalih bħala ‘l-pulizija korrott bil-provi’ u jsejjaħlu ‘kompliċi mal-kriminali’. Fejn huma l-provi? Mela Abdilla ġie kkundannat? Dr Aquilina staqsa lid-deputati jekk hemm xi ħadd minnhom li se jqum u jesiġi li dan l-assistent kummissarju jiġi mkeċċi mill-korp tal-pulizija. Huwa ndirizza l-mistoqsija tiegħu speċifikament ukoll lill-ministru tal-pulizija. Fuq dan l-argument dar fuq id-deputati tal-Gvern u għajjarhom ‘bla sinsla’ għax m’humiex kapaċi jkeċċuh.

Fl-għeluq tad-diskors tiegħu staqsa ‘lill-Prim Ministru x’ser tagħmel?’ Hu ressaq proposti lil Robert Abela dwar x’jista’ jagħmel fiċ-ċirkostanzi. Huwa qallu biex

a) jiċħad darba għal dejjem lil Joseph Muscat,

b) ikeċċi lil Joseph Muscat mill-Partit Laburista,

c) jirtiralu l-unur ta’ kumpann tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu,

d) jitolbu jirrifondi lura l-€120,000 li ġie mogħti meta spiċċa minn Prim Ministru,

e) jitolbu jagħti l-informazzjoni kollha li għandu lill-pulizija biex ikunu jistgħu jinkixfu ċertu affarijiet.

Imma Aquilina kompla li l-Prim Ministru ma jistax jagħmel dan għax għadu marbut bil-katina ma’ Joseph Muscat u allura se tibqa l-iskjav etern ta’ Joseph Muscat.

Issa jaqbel li niftakru, li meta Aquilina jipponta subajh lejn oħrajn, irid iżomm f’moħħu li hu stess għaddej minn investigazzjoni kriminali għal dak li għamel hu, anki jekk jien ma naqbilx li kellu jitressaq il-qorti fuq din il-biċċa xogħol tas-sewqan.

Biss qed inġibha biss bħala argument. Allura lilu, aħna n-nies tat-triq, għandna nikkonsidrawh ħati qabel ma tispiċċa l-inkjesta? Allura aħna, li ma għandniex il-privileġġ li tagħti l-Kamra tad-Deputati, rridu noqogħdu attenti kif nitkellmu, għax niffaċċjaw xi libell? Allura sewwa hekk? Għax tkun hemm ġew tista’ tparla u tisparla. Imma jekk tkun barra tlaqqat il-libelli.

One comment

Leave a Reply