Iridu jieħdu l-iSpeaker il-qorti għax ma ħallihomx jidħlu fil-Parlament

Il-Ħamis u l-Ġimgħa, jiġifieri l-bieraħ t’lura u anki il-bieraħ, l-għaqda Repubblika u Manuel Delia għamlu ħilithom biex forsi jagħmlu ħoss. Ġiethom ix-xoqqa f’moxxtha u reġgħu għajtu ftit nies għall-protesti. Ħareġ ir-rapport u tahom nifs ġdid. Pruvaw jilagħbuha tal-cowboys u riedu jidħlu l-Parlament u reġgħu sabu ruħhom fuq l-aħbarijiet lokali. Talli ma rnexxielhomx jidħlu l-Parlament se jdaħħlu lill-Ispeaker il-qorti.

Raġuni oħra biex, kif għandhom ftit riħ mill-poppa, jaqbdu miegħu u ma jitilfu xejn minn din l-istorja. Anki jekk din hija interessanti għaliex il-Parlament huwa istituzzjoni suprema u Indipendenti mill-Qorti. Il-Parlament jirregola lilu n-nifsu.

Tar-Repubblika jridu b’din l-azzjoni jġibu l-esekuttiv suġġett għall-ġuridiku. Huma jafu li fil-parlament jikkmanda l-iSpeaker, bħal ma fl-awla jikkmanda l-maġistrat u l-imħallef. Ħadd ma jista’ jindaħal lill-maġistrat jew imħallef x’jiġri fl-awla tiegħu u ħadd ma jista’ jindaħal lill-iSpeaker x’jiġri fil-Parlament.

Dawn ma jafux li l-parlament għandu l-qorti tiegħu u saħansitra jista’ jibgħat in-nies il-ħabs? Dawn ma jafux li l-parlament għandu l-privileġġ tiegħu li ġew maħluqa biex tkun issalvaggardjata d-demokrazija? Infatti fl-istorja tal-Parlament Malti għandha każ ta’ meta deputat nbagħat il-ħabs fuq ksur ta’ privileġġ. Dan kien Carmelo Mifsud Bonnici magħruf bħala l-Gross.

Nemmen li Kemm min ser ikun qed jagħmel din il-kawża u anki dak il-ġudikant li ser ikun qed jiġġudika fuqha – jekk jaċċetta – biex jagħti ġudizzju, ser ikun qed jikser privileġġi parlamentari, għax dawn il-privileġġi ġew maħluqa biex ħadd ma jkun jista’ jfarrak l-awtonimija tal-kamra u l-ebda mħallef jew maġistrat ma jista’ jindaħal fix-xogħol tal-parlament.

B’hekk kull minn jidħol fil-Parlament huwa suġġett għad-diskrezzjoni arbitrarja tal-iSpeaker. Dan huwa parti minn dak li jissejjaħ “the standing orders” tal-kamra. Finalment, l-iSpeaker hu l-garanti tal-awtonomija tal-Kamra u tas-sigurta tagħha u tal-membri tagħha meta qegħdin fl-istess kamra, jew fit-triqthom lejn il-Parlament.

Issa l-istanding orders huma ċari. Ġew maqbula bejn gvern u oppożizzjoni f’min jidħol u ma jidħolx fil-parlament  – anki f’dan il-perjodu ta’ Covid. Anki bil-Covid u mingħajrha, l-iSpeaker irid jara u jiggarantixxi lil kull deputat li jitkellem mingħajr biża jew intimidazzjoni.

Għadni sal-lum niftakar meta l-Parlament, fis-snin tmenin kien ikun mogħti b’mod dirett fuq it-television Malta. Dak iż-żmien, Malta kollha kienet tieqaf biex tisma’ l-Parlament. Darba daħal il-Parlament il-kurunell Cachia. Kien qed jitkellem Eddie Fenech Adami. Dan kien qed jagħmel xogħlu u jikkritika l-armata. Dan il-kurnell qabad u daħal fl-Parlament biex jinterropih. Eddie ma tahx ċans. B’rabja beda jgħidlu “barra barra”. U kellu joħroġ. L-ispeaker ordnalu li joħroġ. Dak in-nhar Dom Mintoff l-anqas kien tniffes. Mintoff kien wieħed minn dawk il-membri l-aktar marbut u ġeluż tas-sistema Ingliża għall-Parlament Malti u kien jaf tajjeb li l-avversarju politiku tiegħu kellu raġun.

One thought on “Iridu jieħdu l-iSpeaker il-qorti għax ma ħallihomx jidħlu fil-Parlament

Leave a Reply

Your email address will not be published.