Hemm relazzjoni bejn il-laqgħa li Bernard Grech kellu ma’ Repubblika u l-pożizzjoni li qed jieħu?
It-Tnejn 26 ta’ Lulju kien hemm laqgħa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista bejn rappreżentanti tal-Għaqda Repubblika u diriġenti tal-partit. Tgħid minn din il-laqgħa ħarġet l-ordni, ix-xewqa, il-ftehim li wara biss ftit siegħat jittella artiklu minn Bernard Grech ‘We owe it to Daphne, her family and Malta’ fuq The Malta Independent? F’dan is-sit semmjet li l-ghostwriter ta’ Bernard Grech jista’ jkun Peter Agius. Ma hemmx ċaħda. Dr Agius hemm kien. Tgħid malajr. malajr ħareġ jikteb artiklu f’isem Bernard Grech għal gazzetta indipendenti?
Possibli Repubblika għadha tiġbed l-ispaga tal-partit? Nafu kemm din l-Għaqda kienet attiva fi żmien tal-elezzjoni għall-kap meta laħqu lil Bernard Grech. Kienet għamlet ħilitha kollha biex jispiċċa Adrian Delia minn dik il-pożizzjoni. Bil-fors kellha tagħmel hekk, għax Dr Delia kien qal li l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista jagħmilha l-partit u mhux xi blogger jew ieħor. Kien bagħat sinjal ċar ħafna li l-impożizzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia fuq il-partit kellha tieqaf.
Fl-opinjoni tiegħi kienet deċizzjoni ta’ kap li kien jaf xi jrid. U hemm beda ħafna nkwiet għal Dr Delia. Repubblika u l-akkolti tagħha qatt ma aċċettaw li jiġu mwarrba mill-ħakma li kellhom fuq il-Partit Nazzjonalista. Bdew attakki bla limitu fuq Adrian Delia u ppruvaw isostnu dak li kienet tikteb Daphne qabel, sa x’ħin wasslu biex ħolqu ribelljoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Issa jekk in-Nazzjonalisti ma jridux jiftħu għajnejhom u jaċċettaw il-fatt li bl-attitudni ta’ Daphne, Repubblika u s-Soċjeta Ċivili kollha, dawn kollha flimkien mal-grupp ta’ ribelli fi ħdan il-grupp parlamentari, kissru Partit glorjuż, allura jagħmlu huma. Jistgħu dawn in-Nazzjonalisti jkomplu jieħdu l-attitudni tal-ostrich li taħbi rasha fir-ramel. Imma jekk Repubblika se jkompli jiddettaw xi jsir fil-Partit Nazzjonalista, hawn ħafna Nazzjonalisti li lil Dr Grech qed jgħidulu, mur ixxejjer int u s-soċjeta’ ċivili miegħek.
Is-sostenituri Nazzjonalisti jridu jiftakru li dawn ma huma ħadd ħlief nies li ħarġu mill-bejta tal-Partit Nazzjonalista. Ħarsu min kien preżenti għal-laqgħa ma’ Dr. Grech. Robert Aquilina ħu Karol Aquilina. Persważ li bejn Repubblika u l-Partit Nazzjonalista hemm avviċinamenti kbar. Fil-fatt ma jkunx ħażin li dik il-laqgħa tissejjaħ, laqgħa nterna tal-Partit Nazzjonalista. Dr Grech missu jaf li jekk se jkompli joqgħod għad-dettat ta’ Repubblika u sħabha se jkompli jitlef ħafna mis-sostenituri tal-Partit.
Irid jżomm f’moħħu li dak li qed jippruvaw jagħmlu dawn in-nies ma huwa xejn ħlief li jkomplu fuq l-aġenda ta’ Daphna li rridu niftakru li kienet il-persuna msemmiha fir-rapport tat-telfa bħala waħda mir-raġunijiet għat-telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista fl-2013. Aktar ma jiltaqa’ ma’ dawn in-nies aktar jagħti x’jifhem li hu kien sottomess għalihom waqt il-kampanja tiegħu għal Kap. Dr Grech irid iżomm f’moħħu li dawn għajru lil Nazzjonalisti bħalhom bħala tat-tielet klassi u ħafna titli koroh oħra.
Iktar ma jidher magħhom iktar ikompli jitfa’ l-melħ fuq il-ħafna feriti miftuħin ta’ ħafna Nazzjonalisti li ħassewhom mweġġgħin bil-kitba dispreġjattiva ta’ dawn in-nies. Ħafna sostenituri tal-Partit Nazzjonalista qed isostnu li jekk Dr Grech mhux se jinfatam għal kollox minn dawn in-nies, il-Partit Nazzjonalista qed iħares lejn direzzjoni li diġa’ tefgħetu fl-abbissi. Dan għaliex, din il-laqgħa u l-artiklu li segwuha, komplew jikkonfermaw u jsammru msiemer oħra fit-tebut għaliex issa ħareġ aktar fil-beraħ, li veru tar-Repubblika u l-akkolti tagħha qed jiddettaw fil-Partit Nazzjonalista.

Kulhadd jaf li Peter Aguis huwa wara id diskors ta Bernard.