L-ispeaker jieqaf għall-arroganza ta’ Repubblika!

Blog post minn osservatur politku

Ma kontx naf li l-Parlament sar id-dar ta’ kulħadd u jista’ jidħol kulħadd bi dritt. Mid-dehra Repubblika ħasbu li hemm tibbukkja post meta trid u fi x’ħin trid u ma tagħtix każ tar-regolamenti. Mhux dejjem naqbel mad-deċiżżjonijiet tal-Ispeaker tal-Kamra tal-Parlament, imma fuq din naħseb li għandu raġun. Għalfejn għandhom jidħlu l-Parlament biex jisimgħu? Setgħu għamlu screen fil-pjazza u qagħdu jaraw minn hemm.

Illum il-Parlament nistgħu narawh dirett mill-kumdita’ ta’ fejn inkunu. Repubblika riedu jidħlu l-Parlament biex ikunu preżenti fil-Kamra tal-Parlament waqt id-diskussjoni tar-rapport li ħareġ mill-inkjesta li kellha tara jekk il-qtil makabbru ta’ Daphne Caruana Galizia setgħax jiġi evitat.

Imma kif azzarda l-Ispeaker tal-Parlament ma ħallihomx jidħlu biex isegwu? Dawn huma nies tal-ewwel tier sur Speaker! Dawn huma n-nies li huma għandhom id-dritt ikunu preżenti kull fejn tiġi diskussa kwalunkwe tema li għandha x’taqsam ma’ Daphne. Dawn huma l-uniċi nies li jistgħu jiddiskutu lil Daphne! Dawn huma l-uniċi nies li għandhom ikunu nvoluti fi kwalunkwe aġenda fejn tidħol Daphne! Kif jistgħu d-deputati tal-Parlament jiddiskutu xi ħaġa fuq Daphne mingħajr il-preżenza tagħhom!

Ara fejn jaqblilhom Repubblika jagħżlu jużaw il-poplu. Mela f’daqqa waħda, biex ideffsu l-poplu jew in-nies, użaw analoġija, fejn qed jgħidu li l-Parlament huwa id-Dar tal-Parlament, il-Parlament sar id-Dar Tagħna, mela l-Parlament sar id-Dar tan-Nies jew tal-Poplu. Mela waslu biex jgħaddu messaġġ li huma għandhom dritt li jidħlu fid-Dar tal-Poplu. Verament irid jagħmlu minn Malta pajjiż kommunista’. Il-kommunisti fl-Italja kienu jitkellmu hekk!

Imma l-Ispeaker ma paxxihomx minħabba l-Covid-19. Tidher skuża banali imma intużat fi sfond tajjeb biex forsi dawn in-nies, elite u tal-ewwel klassi, jirrealizzaw li Malta mhux tagħhom, li Malta m’għandiex bżonn il-preżenza tagħhom biex issir xi ħaġa, li Repubblika ma għandha ebda dritt divin li timponi ruħha kull fejn trid.

Isimgħu l-arroganza ta’ Repubblika u min jippreżentha. Qalu li l-virus tal-Covid-19 mhux l-iżjed virus qattiel li għandna f’Malta. Mela dawn insew kemm għajruk lilek Dr. Mercieca meta ġibt nies biex jitkellmu fuq dan il-virus!

L-impunita’ hija agħar qed jgħidu dawn in-nies. U xlew lill-Ispeaker li anke hu qed jgħannaq miegħu l-immunita’. Infakkar li l-ebda parlament ma jħalli jidħlu fih nies mingħajr ma qabel jitolbu permess lill-iSpeaker

Il-bieraħ il-kelliem ewlieni ta’ Repubblika qalu lin-nies jidħlu l-Belt quddiem il-Parlament waqt li huma kienu qed jitolbu l-possibilita li jidħlu ġewwa l-Parlament. ‘All people are equal but some are more equal than others’. Dan joqgħod perfettament għal dawn in-nies li jmexxu Repubblika. Dawn in-nies ta’ Repubblika għandhom bżonn idaħħlu ftit umilta’ biex forsi jinżlu minn fuq pedestal li taw lilhom infushom. Għandhom bżonn jindunaw li kliemhom m’huwiex vanġelu. Għandhom bżonn jaċċettaw li għax għamlu għaqda, ma jfissirx li huma jistgħu jiddettaw lill-poplu Malti u Għawdxi. Iridu jirrejalizzaw li għax ma taqbilx magħhom jew tiddeċiedi kontra tagħhom, ma jfissirx li għandhom xi dritt li jibdew jgħajru u jinsinwaw.

Jekk jibdew iħossuhom bħal kull ċittadin Malti u Għawdxi, jekk jibdew jindunaw li huma ma huma xejn iżjed minn ħaddieħor fis-soċjeta’ Maltija, jekk jibdew jindunaw li għemilhom qed idejjaq in-nies komuni, forsi fl-aħħar jibdew jindirizzaw lill-poplu Malti u Għawdxi bir-rispett li jixraqlu u bl-umilta’, xi ħaġa li naħseb għandhom bżonn jibdew ifittxuha biex forsi jħaddnuha.

One thought on “L-ispeaker jieqaf għall-arroganza ta’ Repubblika!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *