Joe Grech u Graham Bencini jistgħu jitilfu posthom fl-esekuttiv tal-PN

Ġa kkummentajt dwar l-apatija li kien hemm il-bieraħ fil-laqgħa tal-esekuttiv. F’din l-analiżi nixtieq nikkummenta dwar l-elezzjoni li saru fejn ġew eletti Joe Grech bħala  President tal-esekuttiv u Graham Bencini bħala President tal-Amministrattiv.

Issa wieħed irid jiftakar li kemm Joe Grech u Graham Bencini ma ġewx eletti fl-esekuttiv mill-votazzjoni li saret minn fost il-kunsilliera.

Joe Grech sab postu fl-esekuttiv minħabba li kien il-president ta l-MZPN. Il-president tal-MZPN huwa awtomatikament membru fuq l-esekuttiv. L-istess jgħodd fil-każ ta’ Graham Bencini. Dan daħal fl-esekuttiv minħabba li hu l-president tal-FPPN. Kull president ta’ fergħa huwa awtomatikament membru tal-esekuttiv.

Għal darba oħra, il-Partit Nazzjonalista qed jilgħab mal-istatut tal-partit. L-istatut tal-partit jgħid li kull fergħa għandha ikollha żewġ rappreżentanti fl-esekuttiv wieħed minnhom hu il president u xi ħadd ieħor. Wieħed irid ikun raġel u l-oħra mara.

Mela Joseph Grech u Graham Bencini għadhom posthom fuq l-esekuttiv għaliex kienu president ta’ xi fergħa tal-Partit Nazzjonalista. Nirrepeti li huma ma kkontestawx l-elezzjoni tal-esekuttiv li saret matul il-kunsill Ġenerali.

Issa minħabba l-pożizzjoni l-ġdida tagħhom, Joseph Grech irid jirreżenja minn President tal-MZPN u Graham Bencini mill-President tal-fergħa FPPN. X’ifisser dan? Dan ifisser li huma jistgħu jitilfu posthom fl-esekuttiv għaliex huma ma daħlux b’elezzjoni. Dan isseħħ jekk il-fergħa li huma kienu membri tagħha ma jagħżlux president mara. Jekk dawn il-fergħat ma jgħażlux president mara, dawn ikollhom jirreżenjaw mir-rwol tagħhom fl-esekuttiv. Infatti, l-istatut il-ġdid jgħid ċar li ma tistax tkun president ta’ fergħa u tkun uffiċjal tal-partit. B’hekk kemm Joe Grech kif ukoll Graham Bencini, ma jistgħux iżommu l-kariga li għandhom jekk fil-post fejn kienu qabel ma tkunx eletta mara bħala president. Infakkar li huma daħħlu fl-esekuttiv għaliex kienu membri ta’ fergħa. B’hekk iridu bil-fors jibqgħu jirrappreżentaw lil dik l-istess fergħa. Għalhekk qed ngħid li l-unika mod li jistgħu jżommu posthom bħala president tal-istess esekuttiv u president tal-amministrattiv huma billi bħala president tal-MZPN u tal-FPPN rispettivament tiġi eletta mara. Jekk le, allura awtomatikament jitlifu posthom fl-esekuttiv.

Infakkar li hekk kien ġralu David Stellini meta ma tħallix ikompli jokkupa l-kariga ta’ President tal-Amministrativ wara li kien irreżenja mill-parlament u allura tilef postu fl-esekuttiv.

One comment

Leave a Reply