Ir-rapport ma jitkellem qatt fuq John Dalli u jgħid affarijiet mhux minnhom fuq Richard Cachia Caruana u Pierre Portelli

Issa la ġie ppubblika r-rapport nista’ nibda nitkellem dwaru.

L-ewwel stramberija li nnotajt hija li f’rapport ta’ 437 paġna, m’hemm l-ebda referenza għall-isem ta’ John Dalli, ex-Ministru Nazzjonalista u Ex-Kummissarju Ewropew. Dan minkejja li Daphne Caruana Galizia kitbet ħafna dwar John Dalli. Matul il-kitbiet tagħha konna nsibu diversi allegazzjonijiet fuq John Dalli.

Ta’ min jinnota wkoll li minkejja li Daphne ġiet maqtula, John Dalli ma qagħadx lura li jkompli jitkellem/jattakkha wara mewtha. Fil-fatt anke sa ftit ġranet ilu John Dalli baqa’ jsejħilha terrorista. Bla ma trid ikollok tistaqsi, tgħid għaliex tħalla barra John Dalli? Għaliex it-3 imħallfin għażlu li ma jsemmuhx waqt li għamlu referenza għal blog ta’ Glenn Bedingfield. Stramba imma veru.

Fir-rapport jingħad li Daphne Caruana Galizia kienet tikkritika lill-Ex-Chief of Staff ta’ Eddie Fenech Adami u ex-Rappreżentant ta’ Malta fl-UE, Richard Cachia Caruana. Ma nafx mnejn ġabu din l-informazzjoni. Daphne u RCC kienu biċċa waħda. Naħseb aħjar nieqaf hawn, għax ma rridx nidħol fil-ħajja personali ta’ ħadd. Dan hu x’inkiteb f’dan ir-rapport dwar Richard Cachia Caruana.

Is-Sur Cachia Caruana kien safa mkeċċi mill-Parlament Malti wara vot fl-istess Parlament. Iżda dan ma jirriżulta imkien, la fil-blog tagħha u lanqas f’artikli pubblikati f’postijiet oħra, li Daphne kienet kontra tiegħu. Qatt ma jirriżulta li Daphne Caruana Galizia kienet kritika ta’ Richard Cachia Caruana. Anzi, jirriżulta bil-maqlub għaliex hu fatt magħruf li kellhom ħbiberija kbira u kienu jużaw l-influenza ta’ xulxin fil-battalji politiċi tagħhom. Daphne kienet tadorah lil Richard Cachia Caruana. Allura għaliex intqal li kienet tikkritika lil Richard Cachia Caruana? X’inhu l-iskop ta’ din l-istramberija?

Fir-rapport issir referenza għax-xhieda ta Pierre Portelli. Portelli jiġi deskritt bħala l-ex-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Iżda hu fatt magħruf li Portelli qatt ma kien Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Hu kien impjegat tan-Net TV. Din hija stramberija kbira. X’wassal biex isir dan l-iżball u għaliex?

Stramba wkoll, kif fir-rapport isem il-Prim Ministru, Robert Abela, ma jissemma qatt. Dan minkejja li kien Robert Abela li pprova jtemm l-inkjesta meta skada t-terminu tagħha u l-imħallfin baqgħu għaddejjin qisu xejn m’hu xejn. Hu kien is-segretarju tal-kabinett meta nqatlet Daphne. Għall-fini tal-istorja kellu jkun hemm preambolo li jidentifika lil Robert Abela, anke fid-dawl li kien hu li ħa f’idejh it-tmexxija tal-pajjiż mingħand Joseph Muscat.

One comment

Leave a Reply