Il-bieraħ kien hemm laqgħa tal-esekuttiv u ħarġet fil-beraħ l-apatija li hemm fil-PN
ll-bieraħ kien hemm il-vot fl-esekuttiv biex jinħatru l-karigi importanti fil-PN. Osservajt it-tkomplija fit-trend t’apatija tal-membri tal-esekuttiv, l-istess kif ġara fil-vot mill-kunsill ġenerali. Infakkar li fil-vot tal-kunsill ġenerali biex jiġu eletti l-membri fl-esekuttiv ivvutaw biss 76% tal-membri. Ivvutaw fil-fatt 1193 membru minn ċirċa 1570 membru. Fl-2017, kienu vvutaw 98% tal-membri, cioe 22% iktar.
Infakkar li waqt il-votazzjoni la kien hemm futbol u lanqas olimpjadi. Kien hemm biss apatija kbira. Li jagħmel l-affarijiet iktar gravi huwa l-fatt li l-membri bid-dritt tal-vot huma fil-biċċa l-kbira bażużli suppost favur il-famuża ‘paġna ġdida’ ta’ Bernard Grecħ u l-entourage tiegħu. Il-kap il-ġdid ilu biss għaxar xhur fil-kariga. F’dawn l-għaxar xhur ġustament inbiddlu ħafna mill-membri fil-kumitati u fil-ferghat, dejjem biex il-proġett tal-kap il-ġdid ma jsibx xkiel.
Wieħed għalhekk jiskanta kif minkejja dan it-tibdil, teżisti din l-apatija kollha. Illum kellna eżempju ċar ieħor. Illum attendew u vvutaw 84 minn 110 membru tal-esekuttiv, cioe 76% tal-membri. Il-kandidati biex jimlew il-karigi kienu fil-biċċa l-kbira ‘blue-eyed boys’ tal-partit magħżula b’attenzjoni biex jaqdu l-bżonnijiet ta’ Bernard Grech. Li jiċċassani huwa kif minkejja li l-membri tal-esekuttiv huma magħżula b’reqqa, xorta waħda l-ebda kariga ma ntrebħet b’mod unanimu.
Biżżejjed ngħid li Joseph Grech, President tal-MŻPN, kellu 14-il vot kontra minn 84 li vvutaw. Għalhekk dan ġab biss 85% tal-voti mitfuha u biss 65% tal-voti elegibbli. Infakkar li dan kien qiegħed itellaq waħdu ghall-kariga ta’ President tal-istess Esekuttiv. Meta nikkunsidra dan kollu, u nikkunsidra wkoll l-istħarriġ tat-Times, nibda nistaqsi kif u għaliex teżisti din l-apatija u nuqqas ta’ fiduċja fil-magħżula ta’ Bernard Grech?
Nistaqsi wkoll, meta jkun hemm tant nies li lanqas biss jindenjaw ruħhom jattendu biex jivvutaw, kemm baqa’ nies li għadhom jemmnu li Grech jista’ jwassal lill-PN fil-glorja? Wieħed ma jridx jinsa għaliex inbidel il-kap. Wieħed ma jridx jinsa li l-PN li kien diġa’ fi stat ħażin, daħħal lill-pajjiż fi kriżi kostituzzjonali u ħareġ lit-tesserati jivvutaw għall-kap ġdid f’nofs pandemija.
Wieħed ma jridx jinsa lanqas x’kienu l-wegħdiet u l-aspirazzjonijiet madwar il-ħatra ta’ Bernard Grech. Dan kellu jgħaqqad, dan kellu jnaqqas id-distakk. L-għaqda ma dehret xejn fil-vot tal-bieraħ. F’ġurnata fejn kellha tispikka l-għaqda, spikkaw il-klikek u d-diviżjoni. Spikkat l-immaturita’ tal-membri ġodda tal-esekuttiv. Id-distakk ma naqasx, anzi pjuttost żdied. Il-partitarji qegħdin jistaqsu mistoqsijiet skomdi, id-delegati wkoll, l-istess deputati ribelli u ‘eroj’ ukoll. Sinjali xejn sbieħ lejlet elezzjoni. Hemm wisq mistoqsijiet, wisq dubji, wisq nuqqas ta’ fiduċja, wisq apatija.
Nibki għall-partit tiegħi imma xi ħaġa trid issir. Il-kitba tinsab fuq il-ħajt, ċara daqs il-kristall. Jew se nieħdu azzjoni jew se nisparixxu.