Dan ir-rapport ser iwassal biex Abela jxolji l-Parlament? Għaliex Dr. Grech kien evaziv fil-konferenza stampa tal-bieraħ?

Il-bieraħ, Bernard Grech indirizza konferenza tal-aħbarijiet wara li ġie pubblikat ir-rapport tal-inkjesta mit-tliet imħallfin. Dr Grech qalilna it-tliet imħallfin ġew maħtura mill-Istat imma għal preċiżżjoni ma qalx li n-nomina ta’ dawn it-tliet imħallfin kienet maqbula mal-familja Caruana Galizia. Dr Grech qal li l-immunita’ li rajna tat lok biex min hu fil-poter jipproteġi lill-ħbieb, jipproteġi lill-kriminali.

Kellu kull ċans il-bieraħ, la tkellem wara li ħareġ ir-rapport, biex ikun ġust ma’ min qed jisimgħu, li jagħti xi eżempji kif din l-immunita’ seħħet. Kien ikun ġust li jgħidilna min wettaq din l-immunita’. Għaliex ma jridx jitkellem ċar dwarha u jibda jsemmi l-ismijiet tal-politiċi? X’qed jaħseb li hawn xi ħadd mill-pubbliku Malti li se jaqra ‘l fuq minn 400 paġna – anki jekk fil-fatt l-ispazzju bejn is-sentenzi huwa wiesgħa ħafna – biex ifittex dawn l-eżempji. L-onus jaqa’ fuqek Dr Grech li tispjega lill-poplu eżattament x’ġara. Id-dover li tispjega fejn twettqet l-immunita’ hija tiegħek u ta’ sħabek. Nispera li din toħroġ illum fil-parlament waqt li jkun hemm id-dibattitu fuq dan ir-rapport.

Il-bieraħ għidtilna li l-immunita kienet flagranti. Nistgħu naqblu fuq dan, imma n-nies tat-triq, biex nifhmu sewwa, għandhom bżonn tispjegawlna bl-eżempji.

Dr Grech qalilna li ebda membru, tal-kabinett ta’ Joseph Muscat, ma jista’ jiġi skużat għax ma ħax azzjoni u jħoss li sar żball enormi li dak in-nhar ma tkeċċa ħadd mill-kabinet. Jekk qed jirreferi għal meta ħarġet l-istorja fil-media internazzjonali tal-Panama Papers, għandu raġun.

Kompla jgħid li l-Gvern ma ħa ebda passi kontra dak li kienet tallega Daphne Caruana Galizia. Hawn fejn ma naqbilx. Kif qal tajjeb Dr Grech kienu allegazzjonijiet, allura kif qed twaħħal fil-Gvern li ma ħax passi kontra dawn l-allegazzjonijiet? Eżatt għax kienu allegazzjonijiet Dr Grech. Allaħares jibdew proċeduri kontra kull allegazzjoni li ssir!

Bernard Grech kompla jgħid li Daphne ġiet iddemonizzata u mħollija mingħajr protezzjoni. Fuq din ma naqbilx. Għalkemm jien naqbel miegħu li Daphne kien ħaqqa tiġi protetta, imma jkun xieraq li jingħad ukoll li qrajna li Daphne ma kienetx la talbet u lanqas riedet protezzjoni għax ma rieditx pulizija magħha.

Hu kompla jgħidilna li meta ħarġet informazzjoni dwar 17Black u rriżulta li kien hemm allegat ħmieg ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, Dr Grech sostna li baqgħu jipproteġuhom minħabba l-interessi tagħhom personali. Għal dan kollu Dr Grech talab lill-Prim Ministru jgħid min se jerfa’ r-responsabilita’ għal dan in-nuqqas ta’ azzjoni.

Nhar il-Ħadd smajtu lil Dr Grech jgħid li kull min jikteb fuq Facebook u jattakka lill-Partit Nazzjonalista jkun qed jattakka lil Malta. Waqt il-konferenza tal-bieraħ qalilna bil-maqlub. Hu qal li min jrid jikxef il-verita’ anke fuq Facebook, għandu jsib l-Istat jappoġġjah mhux ifixklu. Min irid jesprimi ruħu fuq il-meżżi soċjali, fuq Facebook, għandu jkun liberu li jagħmel dan. Dr Grech fuq liema verzjoni ser noqgħodu? Jekk inti il-bieraħ tkellimt hekk biex tiċċara l-pożizzjoni tiegħek hija xi ħaġa tajba. Biss trid tibda tkun dejjem ċar. Jiġifieri wara l-konferenza tal-bieraħ, inti qed tħalli liberi lin-Nazzjonalisti jgħidu l-ħsibijiet tagħhom u dan ma għadekx tqiesu ta’ ħsara lil Malta? Jekk dan kien il-messaġġ, allura ngħidlek prosit.

Għal darba oħra, qisha saret fissazzjoni għal Dr. Grech biex Robert Abela jiċħad lil Joseph Muscat. Skont Grech għandu jkeċċih mill-Partit Laburista. Din ġa qaluha tar-Repubblika. Ma taħsibx li issa ħriġt barra mil-limiti. Li titlob li jkun investigat mill-pulizija – jekk temmen li għamel xi ħaġa ħażina – iwa. Imma li jitkeċċa minn organizzazzjoni politika hija xi ħaġa oħra. Dik jarawha l-membri tal-Partit Laburista. Int qed tisħaq li Joseph Muscat għandu jiġi mkeċċi mill-Partit Laburista peress li f’din l-inkjesta nstab ħati li ma ħax azzjoni f’waqtha. Biss illum Muscat la għadu Prim MInistru u l-anqas membru tal-Parlament. Int hawn qiesek qed tgħid lill-isqof biex ikeċċi kattoliku mill-knisja għax nidenb!

Dr Grech qalilna wkoll li Robert Abela għandu jara li ‘kull min kien fil-kabinett u fil-grupp parlamentari ma jkollu ebda pożizzjoni uffiċjali pubblika f’dan il-pajjiż’. Kompla jfisser li dawn in-nies, li kienu hemm fi żmien Keith u Konrad, ma għandhomx jibqgħu jġorru kariga pubblika. Mela qed nifhmu li Robert Abela, skond Bernard Grech, għandu jkeċċi (per eżempju) lil Evarist Bartolo minn ministru. Dan irid isir minħabba li dawn il-membri tal-grupp parlamentari ta’ Joseph Muscat ma ħadux azzjoni kontra l-immunita’. Infakkar lil Grech, u din kien qalha Eddie Fenech Adami meta kien prim ministru, li prim ministru jagħżel il-ministri minn fost id-deputati li jtellgħu l-poplu!

Meta mistoqsi jgħid jekk Robert Abela għandux ukoll jiġi mneżża mill-pożizzjoni pubblika tiegħu bħala Prim Ministru, Dr Grech irrisponda u semma bħala eżempju lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Huwa ma semmiex lil Robert Abela imma reġa’ waqaf fuq karigi pubbliċi. Robert Abela hu l-kap tal-esekuttiv. Jiġifieri hu ser jiddeċidi għalih innifsu. Issa nistennew u nara jekk dan ir-rapport iwassalx biex jixxolja l-parlament.

Infatti, Dr Grech ġie mistoqsi jekk hux se jgħid lil Robert Abela biex isejjaħ elezzjoni. La qal iva u lanqas le, imma qal li qed jistieden lil Robert Abela biex jaħdmu flimkien ħalli jsolvu u jattwaw il-konklużjonijiet kollha li hemm fir-rapport. Jidher ċar li waqt li sezzjoni tal-poplu qed titlob biex ikun xolt il-parlament, in-nuqqas ta’ tweġiba minn Dr. Grech turi li l-Partit Nazzjonalista ma jridx elezzjoni issa għaliex mhux lest għaliha. Wieħed hawn jara kif Repubblika u l-entitajiet l-oħra komplew daħħlu lill-PN ġol-ħajt!

Dr. Grech qal ukoll li hu lest li jaħdem mas-Soċjeta Ċivili biex ikun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. Is-soċjeta ċivili qed titlob għall-elezzjoni Dr. Grech. Illum naraw jekk kif jgħidu bl-Ingliż il-Prim Ministru jigdimx il-balla – to bite the bullet.

Waqt li hu fatt magħruf li s-Soċjeta Ċivili, Repubblika etc. huma taħt Bernard Grech parti ntegrali mill-PN, din qed twassal biex il-PN jidher mingħajr strateġija politika u mhux lest li jiffaċċja l-elettorat. Li tgħid li l-Partit Nazzjonalist lest ikompli jaħdem magħhom għax lest li jaħdem ma kull min hu ta’ rieda tajba mhux biżżejjed.

Iċ-ċans hu li l-Prim Ministru ser jerġa jieħu t-tapit minn taħt saqajn il-Partit Nazzjonalista.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *