L-Oppożizzjoni qed tissogra li tidħol kompliċi biex il-vera qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia ma jinqabdu qatt

L-artikli tiegħi qed jinqraw mill-kap tal-Oppożizzjoni. Jidher li l-aħħar artikli tiegħi, b’mod partikolari dawk li tallajt u qed intella’ dwar il-mod kif xehed Matthew Caruana Galizia fil-kompilazzjoni ta’ Yorgen Fenech nhar it-Tlieta 27 ta’ Lulju 2021 wasslu biex Bernard Grech b’mod indirett jagħmel eloġġju lil Matthew Caruana Galizia f’ittra li bagħat lill-Malta Independent. B’dan il-mod qed jiddefendi b’mod indirett lil Matthew Caruana Galizia li jien qed nikkritikah għall-mod kif xehed nhar it-tlieta li għadda.

Fi kliem ieħor, Dr Bernard Grech, jew min qed jiktiblu l-artikli jew din l-ittra, ħareġ jiddefendi lil Daphne Caruana Galizia u lill-familja tagħha. Jiena ma nista’ naċċetta qatt l-mod brutali kif nqatlet Daphne. Jiena bħala ċittadin qed nistenna b’ħerqa l-ġustizzja tagħmel xogħolha u dawk verament involuti f’dan l-assassinju makabbru jieħdu dak li ħaqqhom, mill-inqas sa l-aktar wieħed involut. Għalhekk qed nikteb kif qed nikteb għaliex nemmen li mhux verament qed isir ħaqq f’dan il-każ.

Biss mhux ser naċċetta li jkun hemm xhieda li fil-mod ta’ kif jitkellmu jinqabdu jħawdu. Dan qed nagħmlu għaliex mill-att uman, jien wara Daphne f’kollox. Huma mill-att politiku fejn jien ma naqbilx magħha. Imbagħad mill-att ġudizzjarji jien għandi riservi kbar kif qed taġixxi l-familja tagħha.

Għal ħafna, Daphne kienet ġurnalista investigattiva. Biss hija daħlet imniħirha fil-politika meta dan ma kienx mistenni minnha. Missha baqgħet fil-limiti tagħha bħala investigatur u kittieba u mhux timponi ħsibijietha fuq il-Partit Nazzjonalista. Sar żball kardinali li l-kap tal-Partit Nazzjonalista aċċetta li jwassal il-messaġġ tagħha u għażel li jaddotta l-aġenda tagħha, mingħajr ebda riserva. Ġa kien hemm ix-xofa tal-elezzjoni tal-2013. Minflok, dan l-iżball ġie kkoreġut, kompla jiġi pperpetwatt u r-riżultat jista’ jarah kulħadd.

Dan kien wieħed mill-iżbalji kbar li Simon Busuttil għamel u ħallas qares għalih. Ma setax jħalli ġurnalista tiddettalu l-aġenda u timponi wkoll kif titwettaq fil-kampanja elettorali. Daphne involvit ruħha wisq fil-partit meta l-Partit Nazzjonalista għal kuntrarju missu ħadem il-kampanja elettorali tiegħu fuq affarijiet totalment differenti u mhux fuq il-korruzzjoni biss li kienet l-għalqa li qed taħdem fiha Daphne. Ma rridx li niġi interpretat li l-korruzzjoni ma kienetx suġġett importanti fil-pajjiż, imma ma tistax tasal biex tiffoka l-kampanja kollha prinċipalment fuq l-aġenda ta’ Daphne – il-korruzzjoni.

Waqt il-kampanja elettorali konna nisimgħu lil Simon Busuttil jitkellem filgħodu, fuq xi proġetti li kien lest li jagħmel jekk ikun Prim Ministru. Filgħaxija flok jispjega b’ħafna aktar dettal, il-proġetti msemmijin filgħodu, kien jagħti ħafna aktar importanza lill-korruzzjoni li skont hu u Daphne, kienet ħakmet lit-tmexxija tal-gvern. Ħafna ċittadini kienu jistaqsu, aħna x’se nieklu mill-attakki kollha li kienu qed isiru fuq il-korruzzjoni? Dik kienet importanti biżżejjed li tagħmilha parti mill-kampanja elettorali tiegħek, imma mhux tagħmilha l-argument waħdini u l-iżjed qawwi li suppost minħabba fih ser terbaħ l-elezzjoni.

Darba smajt lil Simon Busuttil jgħid li internament kellu informazzjoni li l-poplu kien irid jisma’ iżjed fuq il-korruzzjoni. Skont is-surveys interni, Simon Busuttil kien qal li jekk ikompli jitkellem fuq il-korruzzjoni l-poplu kien se jagħtih il-Gvern. Persważ li jekk jaqra dawn iż-żewġ sentenzi Simon Busuttil jikkonfermhom. Imma l-poplu meta ħażżeż in-numri ta ħafna aktar importanza għal affarijiet totalment differenti mill-korruzzjoni. Il-poplu jinteressah li l-korrotti jiġu kkastigati ta’ għemilhom, imma ma hux daqstant lest biex jaqleb il-Gvern fuq il-korruzzjoni biss. U jidher ċar li ser jiġri l-istess fl-elezzjoni li ġejja.

Taf x’kien qed jistenna l-poplu Malti u Għawdxi fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni tal-2017? Taf x’kienu qed jistennew toħroġ ċara? Dak il-perjodu l-poplu kien qed jistenna b’ċertu ħeġġa, għax hekk kien wasal biex jifhem minħabba x-xejra tal-kitba li kienet qed taddotta Daphne Caruana Galizia dwar ta’ min kienet Egrant. Daphne kienet qalet li hija tal-mara ta’ Joseph Muscat. Illum nafu li din mhix tagħha. Il-PN għamilha tiegħu din il-gidba. Għalhekk, anki hawn żgarra l-PN. Illum nafu x’ħareġ u minn dak li ħareġ, ma hemm ebda indikazzjoni ta’ dak li konna imġegħlin nemmnu. Blajna sa griżmejna dak li kienet tatna x’nifhmu Daphne. Issa qed jiġri l-istess dwar Yorgen Fenech u l-Electrogas.

Issa il-PN qed jissogra li joħorġu stejjer oħra, li qed jinżammu moħbija sal-elezzjoni biex ikomplu aktar iġibuh fix-xejn kif ġabitu fix-xejn l-istorja ta’ min hu s-sid ta’ Egrant.

Ikun aħjar jekk il-PN jagħti importanza ħafna iżjed lejn dak li hu għaddej il-qorti. Forsi jkun aktar aħjar jekk l-Oppożizzjoni tistudja b’ċertu reqqa għaliex qed jiġru affarijiet fil-qorti li xi kultant ma jagħmlux sens, li qed jitfgħuna ħafna snin lura flok ‘l quddiem. L-impressjoni li qed tingħata hija li l-qorti ġiet maħtufa mill-familja Caruana Galizia. Forsi l-PN jieħu pjaċir imma l-poplu hemm barra qed jaraha mod ieħor.

Fuq kollox, anki mill-kompilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-impressjoni li poplu qed jieħu hija l-prosekuzzjoni qed iddur dawra sħiħa u ma ħix kapaċi tressaq il-boċċa qrib il-likk. Anzi jidher ċar li mhix ser tasal għall-ebda konklużżjoni li twassalna biex inkunu nafu min hu verament hu ħati ta’ dan l-għemil barbaru. Se nkunu nafu min verament ordna dan l-att? Ma naħsibx. Se nkunu nafu min wettqu mingħajr ebda dubju? Għandi d-dubji tiegħi. Se naslu għall-ġuri finali biex kull min ħaqqu jieħu verament dak li ħaqqu? Ibqgħu żguri li le. Il-poplu jrid konklużżjoni mhux taħwid.

L-Oppożizzjoni taħt l-avukat Bernard Grech qed tissogra li tidħol kompliċi ma’ min għandu interess li l-veru qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia ma jinqabdu qatt, kif kiteb l-istess Bernard Grech fil-każ tal-qtil tal-kuġina tiegħu Karen Grech.

One thought on “L-Oppożizzjoni qed tissogra li tidħol kompliċi biex il-vera qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia ma jinqabdu qatt

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *