Bernard Grech reġa’ għamel żball ieħor: qed juri li jaf x’fih ir-rapport tal-imħallfin

Il-bieraħ, Bernard Grech għadda biex jitkellem fuq ir-rapport tal-imħallfin u żvela x’fih, meta dawk l-istess imħallfin għadhom ma ppreżentawx ir-rapport tagħhom lill-Gvern u lill-poplu Malti. Dan għamlu permezz ta’ ittra li bagħat lill-Prim Ministru.

Li kap tal-Oppożizzjoni jkun jaf minn qabel x’fih rapport tista’ tidher normali għal xi uħud. Dwar dan mhux ser niskanta. Biss jekk sar jaf imissu qagħad kwiet u mhux kixef idejh. Din ġa qajmet ħafna mistoqsijiet fil-kamp Laburista. Emanuel Cuschieri ġa tella’ blog dwarha. U ser tqajjem aktar, meta l-persuni mqabbda biex jagħmlu din l-inkjesta nzertaw kollha huma mħallfin.

Il-fatt li ħafna ġa bdew jistaqsu kif jaf x’fih ir-rapport ser inaqqas mill-kredibilita’ tal-istess rapport? Li tkun taf x’fih ir-rapport u tparla turi mmaturita’ politika. Jekk ma tafx x’fih ir-rapport u tikteb dwaru turi biss spekulazzjoni. Aktar u aktar meta spiċċajt tikteb bħala kap tal-Oppożizzjoni lill-Prim Ministru. Titkellem kif tkellimt turi wkoll immaturita’ politika. L-agħar li jista’ jagħmel kap tal-oppożizzjoni hu li juri li qed jispekula fuq inkjesta pubblika.

L-ewwel, bħala kap tal-oppożizzjoni kellu jħalli lill-imħallfin jippreżentawh u mbagħad jitkellem jew jikteb dwaru u jistieden lill-gvern biex jara r-rekommandazzjonijiet li hemm fih ikunu mwettqa’. B’li għamel wera li jrid jkun il-prima donna f’dan il-każ. Inqas ma jkun il-prima donna f’dan il-każ aħjar għalih u għall-Partit Nazzjonalista.

It-tieni, b’li għamel waqqa’ l-effett tar-rapport tat-tliet imħallfin waqt li qiegħed lil dawn l-imħallfin f’qagħda mbarazzanti. In-nies ġa qed jistaqsu kif rapport tal-imħallfin spiċċa jaf x’fih il-kap tal-Oppożizzjoni qabel il-Prim Ministru li kkommissjonah? Anki jekk dan mhux minnu, din ser tibqa’ mistoqsija leġittima li wieħed għandu jagħmel. Din l-istorja titfa’ lil dawn t-tliet imħallfin f’dawl ikrah mal-poplu Malti. In-nies ser jistaqsu fejn hu s-sigriet professjonali f’dan il-każ? Mela kull ħaġa li qed issir mal-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed tmur żmerċ?

Dan hu gravi meta tnejn minn dawn kienu jagħtu s-sentenzi u waħda għadha sedenti. Imbagħad l-imħallfin u l-maġistrati jgergru li l-poplu qed jitlef il-fiduċja fil-qrati. Ittra bħal din mill-kap tal-Oppożizzjoni żgur li mhux ser iżżid il-fiduċja tan-nies fl-istituzzjonijiet tal-qrati tagħna. Anki jekk din l-inkjesta hija xi ħaġa separata mill-qorti u dawk li qed imexxuha nzertaw kollha imħallfin, imma setgħu ma kienux, ittra bħal din mill-kap tal-Oppożizzjoni ser titfa’ f’dawl ikrah l-ġudikatura kollha li dawn mhux kapaċi jżommu sigriet professjonali – li ma għandix dubju li mhux il-każ – imma din hija l-konsegwenza politika ta’ din l-azzjoni ta’ Bernard Grech.

Issa jekk xi ħadd tah din l-informazzjoni lill-kap tal-Oppożizzjoni biex idaħħlu fi trabokk, infakkar li hu avukat u missu xamm li hawn ġurdien.

Ġa l-mod kif imxiet din l-inkjesta kien kontroversjali ħafna. Fuq kollox kif tliet imħallfin jaslu biex jikkonkludu fuq ċertu affarjiet meta xhieda primarja bħal ma hu l-preżunt mandant l-anqas ma ġie mgħajjat biex jixhed?

Meta qed jitkellem li dan ir-rapport ser jagħtina dak li mhux dak mixtieq minn kulħadd qed juri li ġie f’idu qabel il-Prim Ministru. Bħala kap tal-Oppożizzjoni ma hawnx post ta’ spekulazzjoni. Kull ċittadin Malti u Għawdxi qed jistenna dan ir-rapport. Biss b’li għamel ġiet affettwata l-azzjoni finali marbuta ma’ dan ir-rapport. Il-poplu Malti kien qed jistenna aktar trasparenza ta’ min kienu n-nies bla ruħ li tertqu lil din il-mara, li qatt ma kien jistħoqqilha tmut hekk, għamlet x’għamlet. Minflok ħareġ dan l-element ta’ trasparenza ħareġ aktar dan l-element ta’ taħwid li hemm marbut ma’ din l-inkjesta u ma’ dan ir-rapport li issa ġie mdawwar f’wieħed politiku u xejn aktar.

Kull ma qed jagħmel Bernard Grech bħalissa huwa li minflok jagħti tama li b’dan ir-rapport li ser jixxandar, jurina li l-mewt ta’ Daphne setgħet ġiet evitata, ser ikun qed ikompli jippolitiċizzah aktar ma hu ppoletiċizzat. Biss din l-inkjesta marret oltre minn hekk. Imma b’daqshekk x’se nkunu ħadna? Ser inkunu nistgħu noqogħdu ngħajru lill-Gvern ta’ Joseph Muscat li ma għamilx xogħolu sewwa?

Minflok kien ta’ support għall-Partit Nazzjonalista, b’dak li għamel Bernard Grech reġa tefa’ l-ġebla fuq saqajh!

One thought on “Bernard Grech reġa’ għamel żball ieħor: qed juri li jaf x’fih ir-rapport tal-imħallfin

Leave a Reply

Your email address will not be published.