Min hu l-veru ħażin fil-Partit Nazzjonalista: il-kap jew il-membri tat-team?

Waħda mill-kritika li qed issirli hija li qed ikolli wisq artikli ta’ kritika kontra l-PN u xejn kontra l-partit fil-gvern. Naqbel ma’ din l-analiżi. Biss irid ngħid li dak li qed nikteb f’dan is-sit qed insibuh llum jingħad anki f’siti li huma mitqiesha bħala pro-PN. The Shift News tella’ artiklu ta’ Blanche Gatt bl-isem “Heading straight for the brick wall’ fejn fih, is-Sinjura Gatt qed tgħid li ma hi testenna xejn mill-elezzjoni li ġejja ħlief li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ dieħel dritt ġol-ħajt.

Ms Gatt hija artikolista tajba ħafna. F’dan l-artiklu qed tesponi diversi argumenti imma fil-bidu mill-ewwel tibda tattakka lill-aħħar żewġ kapijiet tal-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt hija tgħid li l-kumitat esekuttiv tal-Partit, reġa’ għal darba oħra, nesa li ħafna votanti tradizzjonalment Nazzjonalisti ma humiex se jivvutaw lil xi ħadd li jemmnu li ma hux il-persuna idonea biex ikun kap. Ms. Gatt hija persważa li għalkemm in-Nazzjonalisti huma rrabjati ħafna għall-Gvern, xorta ma humiex se jivvutaw lil xi ħadd li ma għandhomx rispett lejh.

Qed tikkontendi li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa’ jagħżel nies li ma humiex kapaċi għall-pożizzjoni ta’ kap. Kapijiet li ma għandhomx intelliġenza adegwata biex jifhmu li minħabba t-tbajja li jistgħu qed iġorru ma’ isimhom, huma ma humiex tajbin biżżejjed biex jattiraw voti biżżejjed biex jieħdu l-Gvern. Fi kliem ieħor ma humiex idonei biex imexxu. Dawn il-Kapijiet ma jistgħu qatt jiġu eletti min-Nazzjonalisti li għadhom jemmnu fil-valuri li dejjem żammewhom il-bogħod minn Partit Laburista taparsi Soċjalist.

Naħseb li qed tkun komda ħafna għal xi wħud li jaslu għall-konklużjoni li dejjem għandu jeħel il-kap. L-ewwel nett irridu nżommu f’moħħna li kull kap isib ma’ wiċċu deputati li jkunu ġew eletti mill-votant Nazzjonalista. Ebda Kap ma għandu l-possibilita’ li jbiddel it-team tiegħu għax b’dak li jkun hemm ikollu jitwikka. Jista’ jipprova jaħdem b’li għandu. Jipprova jgħaqqad team bl-aħjar mod possibli. Jipprova juża tattiċi differenti imma t-team dejjem l-istess se jibqa’. L-isfortuna għall-kap tkun jekk il-membri tal-team tiegħu ma jkunux iridu joqgħodu għat-tattiċi magħżula. Hemm il-kap ma tantx ikun jista’ jinnaviga, għax dawk hemm u dawk se jibqgħu.

Ma nistgħux lanqas, nibqgħu nieħdu the easy way out u dejjem jeħel ta’ fuq. Fl-opinjoni tiegħi, min qed jaħseb hekk qed jiżgarra bl-ikrah. Jista’ jkollok l-aqwa kap, imma jekk in-nies ta’ madwaru ma jkunux lesti li jiġbdu l-ħabel miegħu, ikun inutli li jipprova jaħdem. Dan rajnieh isir fi żmien Dr. Adrian Delia u jkolli ngħid li qed anke narawh issa fi żmien Dr. Bernard Grech. Hemm bżonn li xi ħadd jibda jirrealizza li għandna bżonn inħarsu ħafna aktar b’mod profond minn hekk. Hemm bżonn li jsir eżami intern. Mhux tajjeb li nħarsu biss lejn l-ixkora tal-kap.

Id-deputati ta’ madwaru wkoll huma persuni stabbiliti fis-soċjeta’ ta’ pajjiżna u anke huma jġorru magħhom l-ixkejjer tagħhom. Għaliex l-ixkora tal-kap għandha tidher itqal minn l-ixkejjer ta’ l-oħrajn kollha? Għaliex għandna nħallu lil min jagħti ħafna iżjed kulur lil dak li hemm fl-ixkora, milli jistħoqqlu? Huma dawn l-affarijiet li ma nistgħux inħallu lil min jattakka fuqhom. Jekk kull wieħed minna jgħolli jdejh kulħadd isib x’ixomm.

U naħseb li jekk tgħaqqad flimkien l-ixkejjer kollha nsibu li huma ħafna itqal minn tal-persuna singola li qiegħda fit-tmun. Għandna nippruvaw nibdew inkunu ġusti mal-elettorat u nistqarru li mhux dejjem kull persuna li tidħol fil-parlament tkun idonea għal dik il-pultruna. Irridu nanalizzaw aħjar jekk kull min jitfa’ ismu fit-tellieq għall-parlament, għandux xkora tqila aktar milli huwa aċċettabli. Ma jistax ikun li nibqgħu niffokaw fuq il-kap biss.

Naħseb li l-Partit Nazzjonalista għamel wisq ħsara lilu nnifsu, imma mhux minħabba l-kap imma minħabba grupp ta’ persuni li kienu lesti li ma jaċċettawx it-tattiċi biex jisfurzaw it-tibdil tal-kap. Dan sar kważi sena ilu. Il-problema li hemm bħal issa, li l-kap preżenti ġie assoċjat ma’ dawn in-nies.

Issa wara dan it-taqlib kollu fil-Partit Nazzjonalista, Ms Gatt qed targumenta li ma tbiddel xejn anżi qed taħseb li l-affarijiet marru għall-agħar. Mela x’inhu l-common denominator? Sar it-tibdil tal-kap. Il-Partit Nazzjonalista ma avvanzax. Mela allura ntagħżel kap għat-tielet darba li f’għajnejn l-elettorat qed jidher li mhux kapaċi jew li ma għandux il-players, jiġifieri id-deputati, tajbin biż-żejjed biex jiffurmaw gvern alternattiv. Għaliex qed jidhru hekk? Għax hemm deputati minnhom li qed jidhru mal-elettorat li ma jridux joqgħodu għar-regoli. Dawn ma aċċettawx l-vot demokratiku li ttieħed fil-Partit Nazzjonalista. Ma riedux joqgħodu għal dak li kien magħżlu bħala kap mill-membri tal-Partit. Veru li ntgħażel ieħor b’mod demokratiku biss kif graw l-affarijiet aktar ħsara saret milli ġid lill-Partit Nazzjonalista.

Li tistudja tajjeb lill-kap huwa mportanti. Imma li tħalli membri tal-grupp ingħawru l-istituzzjoni huwa ħażin ħafna. Ma ninsewx li l-membri huma nfluwenti daqs il-kap jekk mhux iżjed mas-supporters tagħhom. Mela qabel nikkonkludu li l-kap ħażin ejja naraw ir-ribelljoni minn fejn hi ġejja u għaliex. Jekk għat-tielet darba ma sibniex il-bniedem idoneu, allura mhux l-għażla tal-kap ħażina, imma xi numru ta’ membri tal-grupp parlamentari li mhux kapaċi jilgħabu bħala team.

Leave a Reply

Your email address will not be published.