Christian Peregin jammetti li kien ittesserat maż-żewġ partiti biex ikun jista’ jivvota għall-mexxejja

Fl-intervista li Christian Peregin ta lil Jacob Borg il-Ħadd li għadda għal The Sunday Times, tkellem dwar l-ideologija politika tiegħu jew in-nuqqas tagħha. F’dan l-artiklu nixtieq nagħmel ftit analiżi tagħha

Meta mistoqsi fihx jikkonsisti x-xogħol tiegħu, Christian Peregin tana din l-informazzjoni. Il-kuntratt tiegħu huwa marbut mal-kampanja elettorali. Jispera li jkun qed jikkomunika il-viżjoni tal-gvern li jmiss. Ammetta li daħal għal dan ix-xogħol b’ruħu u b’ġismu u wasal saħansitra li qed ibiegħ il-business tiegħu. Telaq mill-ġurnaliżmu indipendenti u ntrabat ma’ karru politiku biex ikun parti mill-viżjoni ta’ Gvern ġdid ta’ Malta.

L-ewwel ammissjoni tiegħu toħroġ hawn. Jittama li dan il-Gvern ġdid jattwa ruħu fl-iqsar żmien possibli, għalkemm jaf li n-numri huma li huma. Dan il-ħsieb jagħtini impressjoni li Peregin daħal mal-Partit Nazzjonalista għax qiegħed fl-Oppożizzjoni. Jiġifieri kieku l-istorja kienet differenti u l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern hu kien jingħaqad mal-Partit Laburista. Raġuni hija ovvja. M’intiex se tipprova timpressjona ma’ partit rebbieħ. Mat-tellief biss tista’ tagħmel ħoss.

Meta mistoqsi għaliex fil-fatt huwa jngħaqad mal-Partit Nazzjonalista, huwa pprova jindika li la għandu moħħ miftuħ u la jaf li ideoloġikament huwa jħaddan ħsibijiet liberali ħafna, jista’ jkun ta’ xprun biex isir it-tibdil meħtieġ fil-Partit Nazzjonalista. Huwa jħoss li l-Partit Nazzjonalista għandu jħaddan l-entużjażmu għad-drittijiet ċivili bħal ma għamel il-Partit Laburista. Biex isaħħaħ l-argument tiegħu Peregin qal li kien hemm stanzi mportanti meta l-Partit Nazzjonalista kien viżjonarju fil-ħsibijiet liberali tiegħu, bħal per eżempju meta ġġieled għad-demokrazija, meta tħabat biex daħal fl-Unjoni Ewropea u meta ġġieled għall-Indipendenza.

Huwa kompla li, la mhux kontra l-konservatiżmu u jifhem il-pożizzjoni ta’ min iħaddan dan it-twemmin, hu jixtieq isib art komuni għaż-żewġ ħsibijiet. Peregin se jipprova jfassal u jiffoka aktar fuq demokrazija għax iħoss li f’pajjiżna għaddejjien minn żminijiet li d-demokrazija qiegħda nieqsa minħabba d-distakk bejn gvern u oppożizzjoni. Peregin ma jixtieqx jgħix f’pajjiż demokratiku fejn tinħonoq il-vuċi tal-ġurnalisti, tal-attiviisti jew tas-soċjeta ċivili. Imbagħad titfaċċa xi istituzzjoni barranija u timponi fuqna deċiżżjonijiet. Biss dak li mhux qed jifhem huwa li l-liberalizmu kif imħaddem illum iwassal għal din is-sitwazzjoni.

Hu jixtieq ikun parti minn din il-bidla u mhux jistenna lil ħaddieħor jagħmilha. F’din l-intervista qal li lest li jagħti scoop lill-ġurnalist tas-Sunday Times. Qallu li hu kien ittessera ruħu maż-żewġ partiti fl-2016. Dan jien kontrih għal kollox. Għalija dan hu biss opportunizmu. Peregin min-naħa tiegħu jqies li dan hu għamlu biex ikun jista’ jivvota fl-elezzjoni taż-żewġ mexxejja. Niftakar li meta konna qed nagħmlu r-rapport tat-telfa u t-tesserati fil-maġġoranza tagħhom kienu talbu li l-mexxej ikun elett anki minnhom. Biss meta kien ġie diskuss dan il-punt, kienet issemmiet il-problema li kien hemm min hu t-tesserat maż-żewġ partiti. Dak in-nhar, din kienet mitqiesha perikoluza ħafna u kienet l-ikbar oppożizzjoni li kien hemm biex il-PN iħaddan din il-proposta. L-argument kien li din setgħet tintuża biex persuni jippruvaw jiksbu l-aħjar minn żewġ pożizzjonijiet opposti jew kif darba ntqal min xi ħadd “make hay while the sun shines“.

Għalhekk qabel ktibt li Peregin, biex jagħmel ħoss, għażel li jmur mal-partit meqjus tellief għax qiegħed fl-Oppożizzjoni. Imma ried ikun parteċipi fit-tellieqa tal-kap fiż-żewġ partiti. Irnexxielu mal-Partit Nazzjonalista imma tilef l-elezzjoni tal-Partit Laburista. Għal Peregin il-valuri u l-prinċipji ma jidħlux fl-għażliet tiegħu. Hawn fejn jien ma naqbilx.

Nippreferi nirbaħ jew nitlef ma’ persuna b’valuri u prinċipji sodi, milli nilgħab ma’ xi ħadd li lest jarmi l-prinċipji u l-valuri tiegħu għall-pożizzjoni li jixtieq jakkwista.

Leave a Reply